top of page

Insaħħu l-Ilsien Nazzjonali Tagħna – Jitlaqqa’ l-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti



 

95.4% tal-Maltin iqisu l-Malti bħala waħda mil-lingwi ewlenin tagħhom

 

Tlaqqa’ l-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malta taħt il-patroċinju distint tal-President George Vella, u fost il-kelliema ewlenin kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.

 

Waqt il-Forum, l-istatistiku u lettur fl-Università ta’ Malta Dott. Vincent Marmarà spjega r-riżultati ta’ stħarriġ nazzjonali kkummissjonat miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti dwar il-qagħda tal-lingwa Maltija, li sar fuq kampjun ta’ 600 ruħ li għandhom minn 16-il sena ’l fuq u jirrifletti d-demografija tal-pajjiż, skont l-età u l-lokalità ġeografika.

 

Meta indirizza l-Forum, il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Forum sar proprju jumejn wara l-Jum Dinji tal-Lingwi Uffiċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda biex iqajjem iktar kuxjenza dwar l-importanza li nindukraw iktar ilsienna, li huwa karatteristika ewlenija tal-identità tagħna bħala poplu Malti u Għawdxi.

 

Irrimarka li mill-istħarriġ ta’ Dott. Marmarà joħroġ li l-maġġoranza assoluta tal-adulti għandhom għal qalbhom il-Malti, tant li jqisuh bħala l-lingwa ewlenija tagħhom. “Il-Malti jintuża wkoll għall-espressjoni artistika u kulturali tagħna, tant li fl-istħarriġ ta’ Dott. Marmarà naraw konkorrenza inkoraġġanti mill-Maltin għall-attivitajiet kulturali bil-lingwa Maltija,” stqarr il-Ministru Bonnici.

 

Fl-istess waqt spjega li bħala poplu bilingwi, f’soċjetà multikulturali u dinja globalizzata, qed jinħass it-taħlit tal-Malti ma’ lingwi oħrajn. Innota wkoll il-ħtieġa li l-barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta jitgħallmu l-Malti biex jikkomunikaw aħjar mal-Maltin u l-Għawdxin u fl-istess waqt jintegraw aktar fis-soċjetà.

 

Il-Ministru Bonnici stqarr li f’dan il-kuntest, il-Gvern qed juri s-sostenn tiegħu fit-tkattir tal-użu ta’ lsienna, fosthom bit-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, li għaddej b’ħidma biex iżid l-għarfien tal-lingwa nazzjonali u uffiċjali tagħna.

 

“Nemmen li b’riżultat ta’ dan il-Forum se jitfassal pjan ħolistiku biex il-Malti jibqa’ ħaj fost il-Maltin tal-lum, iżda fuq kollox, għall-ġenerazzjonijiet futuri, bil-għan li nsaħħu lsienna bħala karatteristika distintiva ta’ ġensna u l-identità unika li ntisġet mal-milja tas-snin,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Dan il-Forum Nazzjonali tal-Ilsien Malti kien ġie mħabbar mill-Ministru Bonnici matul is-seduta Parlamentari tat-8 ta’ Novembru 2023 u f’komunikazzjonijiet sussegwenti.

 

Tkellmet ukoll il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Norma Saliba li enfasizzat il-bżonn li jkompli jiġi prijoritizzat il-ħarsien u t-tisħiħ tal-Malti. “Għandna nieħdu kull inizjattiva meħtieġa sabiex nassiguraw li l-Malti nipproteġuh u nsaħħuh,” qalet is-Sinjura Saliba.

 

Norma Saliba tat ħarsa lejn il-ħidma taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti f’dawn l-aħħar xhur, fejn saru numru ta’ laqgħat ma’ organizzazzjonijiet u individwi biex jifhmu aħjar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-ilsien Malti u t-triq ’il quddiem. Qalet li ċ-Ċentru qed jaħdem sabiex l-għarfien tal-Malti jkun rekwiżit għal kull ħaddiem barrani biex jaħdem fil-qasam tas-saħħa, ewlenin fosthom il-carers. 

 

Il-Kap Eżekuttiv semmiet ukoll li ċ-Ċentru qiegħed jiżviluppa sit elettroniku ilsienmalti.mt u pjattaformi fuq il-media soċjali biex ikun jista’ jikkomunika aħjar ħidmietu. Iċ-Ċentru qed jaħdem ukoll fuq proġett dwar riżorsi awdjoviżivi bil-Malti immirati għat-tfal.

 

Dawn huma l-punti ewlenin li joħorġu mill-istħarriġ ta’ Dott. Vincent Marmarà:

 

•             95.4% tal-Maltin iqisu l-Malti bħala waħda mil-lingwi ewlenin tagħhom. 12.7% jikkunsidraw l-Ingliż bħala waħda mil-lingwi ewlenin tagħhom.

•             Kważi 95% tal-Maltin jitkellmu bil-Malti mal-familjari tagħhom. 13.5% jgħidu li jitkellmu magħhom bl-Ingliż - il-maġġoranza joqogħdu fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir (19.8%).

•             Il-ġenituri ta’ tfal taħt it-18-il sena jkellmu lil uliedhom l-iktar bil-Malti (68.3%). 15.9% qalu li jkellmuhom bl-Ingliż fil-parti l-kbira tal-ħin tagħhom, mentri 15.9% qalu li jkellmuhom biż-żewġ lingwi.

•             Ġenituri ta’ tfal bejn is-26-45 sena huma l-iktar li wieġbu li wliedhom jifhmu biss bl-Ingliż (24.3%), b’dawk li joqogħdu fit-Tramuntana tal-Port il-Kbir l-aktar li qalu li wliedhom jifhmu biss l-Ingliż (30.4%);

•             Fuq il-post tax-xogħol, kważi 80% jitkellmu bil-Malti, u iktar min-nofs (53.2%) jitkellmu bl-Ingliż mal-kollegi tagħhom.

•             Il-Malti f’oqsma ekonomiċi varji huwa l-iktar użat fil-banek (75.7%), filwaqt li huwa l-inqas użat fil-bars u r-restoranti (16.1%).

•             Il-maġġoranza tal-Maltin iħossuhom komdi jiktbu l-emails bl-Ingliż (57.3%); iktar minn nofshom jippreferu jużaw il-Malti biex jiktbu noti (55.7%) u jibagħtu messaġġi bil-mobile (52.5%).

•             L-aħbarijiet online bil-Malti huma l-iktar imfittxija (57.7%), iżda mbagħad hemm preferenza għal ksib ta’ aktar tagħrif minn siti elettroniċi bl-Ingliż (39.9%).

•             Kważi nofs il-Maltin jattendu attivitajiet kulturali. L-aktar attivitajiet preferuti huma dawk li jkunu bil-lingwa Maltija biss (53.7%).

•             Kważi 85% tal-Maltin jaqblu li l-barranin li jgħixu Malta għandhom jitgħallmu l-Malti.

 



 


 

コメント


bottom of page