Ingħata bidu għal proġett ta’ diversi ġimgħat, li matulu se jkun hemm programm sħiħ ta’ tindif u manutensjoni maġġuri fl-inħawi u l-madwar tal-Family Picnic Area f’Ta’ Qali. Dan qed isir biex fil-jiem tax-xitwa l-familji li jmorru hemm għall-mistrieħ isibu ambjent li jixraq u kif imwiegħed mill-gvern, li jkompli joħloq aktar spazji miftuħa biex jitgawdew mill-poplu. Dan huwa wkoll parti mill-Park Nazzjonali ta’ Malta.
Diversi ministeri qed jikkoordinaw flimkien dan il-proġett.
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera sostna li wara li kien ippreżentat il-proġett għar-riġenerrazzjoni tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, fejn ser jitħawlu 80,000 siġra u li se jiġi mmaniġġjat minn Ambjent Malta, il-gvern se jkompli bix-xogħol biex itejjeb is-sitwazzjoni taż-żoni pubbliċi u spazji miftuħa. Qal li l-inizjattiva kollaborattiva tal-lum hija prova li l-gvern huwa lest biex jimplimenta policies li jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Huwa kkonkluda li, “il-gvern jaf li n-nies iridu aktar spazji miftuħa, għalhekk qed naħdmu flimkien biex intejbu, ninvestu u nipprovdu soluzzjonijiet.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici tkellem fuq l-importanza li nkomplu nżidu aktar kuxjenza dwar il-manutenzjoni u t-tindif ta’ spazji pubbliċi. “Permezz ta’ din it-tindifa maġġuri, qegħdin noħolqu spazji aktar siguri u nodfa għall-komunità tagħna biex tqatta’ l-ħin tagħha fihom, filwaqt li nkomplu nżidu l-għarfien dwar l-importanza tal-indafa pubblika. Huwa grazzi għal dawn l-inizjattivi li nistgħu nassiguraw ambjent aħjar għaż-żgħar tagħna u għall-ġenerazzjonijiet futuri,” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici. Huwa kkonkluda billi rringrazzja d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni tax-xogħol siewi li tagħmel matul is-sena kollha, mill-manutenzjoni tal-bajjiet għat-tindif tat-toroq arterjali, b’mod li jassiguraw li dawn il-postijiet pubbliċi jinżammu sew għall-benefiċċju tas-soċjetà tagħna.
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg rrefera għall-proġett tal-Malta National Park li tħabbar ftit tax-xhur ilu flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa ddeskriva dan il-proġett bħala wieħed li se jżewweġ dan il-park fejn qiegħed isir it-tindif ma’ sit ieħor kbir li l-gvern, permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar, ħa lura biex jagħtih lill-poplu.
“Flimkien, bħala tim wieħed impenjat bis-sħiħ favur il-kwalità tal-ħajja tan-nies, hawnhekk se nwettqu ħidma li sserraħ fuq viżjoni ċara li tagħti l-ewwel prijorità lill-poplu. Se nimplimentaw proġett li b’investiment ta’ €20 miljun se jwassal għal spazju miftuħ ta’ mhux inqas minn 450,000 metru kwadru, daqs 60 grawnd tal-futbol, għax nafu li n-nies jixtiequ aktar spazji miftuħa. Nemmnu li spazji bħal dawn huma essenzjali biex il-poplu jilħaq il-bilanċ essenzjali bejn il-ħajja mgħaġġla u l-mistrieħ dovut,” qal il-Ministru Borg.
Huwa fakkar li l-Malta National Park se jkun jinkludi spazji rikreattivi, spazji għall-kampeġġ, spazji għall-kunċerti, faċilitajiet għall-mixi u għaċ-ċikliżmu, pjattaforma għall-arti u għall-arkivji nazzjonali, faċilitajiet għall-bdiewa u estensjoni tad-dog park. Il-Ministru Borg tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ il-komunitajiet tagħna u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies, u fakkar fil-ħidma li ssir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura u mill-kunsilli grazzi għad-Development Planning Fund. Huwa rrefera wkoll għall-investiment ta’ €1 miljun biex sal-aħħar tal-2019 Infrastructure Malta tkun ħawlet 6,700 siġra madwar il-pajjiż.
“Għandna gvern impenjat fuq kull livell bħall-infrastruttura, ambjent, kultura, edukazzjoni, saħħa, drittijiet ċivili, u se nkomplu naħdmu,” għalaq il-Ministru Ian Borg, filwaqt li faħħar l-inizjattiva ta’ Ambjent Malta u d-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni favur il-manutenzjoni tal-park eżisteni favur kwalità tal-ħajja aħjar għal min jagħmel użu mill-park illum.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius saħaq li hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-ħarifa u l-familji jibdew ifittxu aktar il-kampanja għar-rikreazzjoni tagħhom, irridu nagħtu lill-familji tagħna l-aħjar ambjent possibbli xi jgawdu. Għalhekk huwa faħħar l-inizjattivi ta’ tindif u tisbiħ li qed isiru fil-Park Nazzjonali.
Huwa tenna l-importanza li ssir manutenzjoni kontinwa ta’ dan il-park u li l-pubbliku li jiġi jgawdi fit ħin fih, japprezza dawn ix-xogħlijiet u jagħmel l-aħjar użu minn dan il-park. Is-Segretarju Parlamentari Agius fakkar kif sa ftit tax-xhur ilu l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet l-inizjattiva li tnaddaf is-sit biswit l-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali biex dan jikber aktar u jakkomoda aktar nies u familji.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista tkellem dwar ix-xogħol estensiv li qiegħed isir bħalissa f’Ta’ Qali. Huwa spjega kif id-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni qiegħda dejjem ittejjeb l-operat tagħha permezz ta’ investiment f’makkinarju ġdid u aktar riżorsi biex tkun tista’ tlaħħaq aħjar mal-esiġenzi tas-servizz. Debattista spjega kif l-edukazzjoni għandha tibqa’ tkun iċ-ċavetta ewlenija li toħloq għarfien akbar dwar il-ħtieġa li nirrispettaw l-ambjent ta’ pajjiżna u lil dawk ta’ madwarna billi ma nħammġux. “Ix-xewqa tiegħi hija li ma tkunx biss il-ġurnata tal-lum li fiha nagħtu l-importanza mistħoqqa lill-indafa ta’ pajjiżna, iżda matul is-sena kollha,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Debattista.
Il-kordinatur tal-Park Nazzjonali ta’ Malta Jason Micallef qal li matul dil-ġimgħa u fil-ġimgħat li ġejjin tajna u se nkomplu nagħtu prova ċara dwar kif bis-saħħa ta’ kordinament bejn ministeri u awtoritajiet differenti inwasslu biex proġett kapitali bħalma hu l-Park Nazzjonali ta’ Malta jkollu s-sostenn tal-gvern kollu biex jitwettaq tajjeb u fil-ħin.
Comments