top of page

Industrija tal-baħar b’inqas impatt fuq l-ambjent



Kumpanija Maltija tikkontribwixxi f’riċerka internazzjonali sabiex tkompli tiġi żviluppata industrija tal-baħar b’inqas impatt fuq l-ambjent

Kumpanija Maltija qiegħda tipparteċipa fi proġett internazzjonali ta’ riċerka li jiġbor flimkien akkademiċi mir-Renju Unit, l-Italja u Malta sabiex tiġi żviluppata il-kapaċità xjentifika u teknoloġika fil-qasam tad-disinn tad-dgħajjes għal industrija b’inqas impatt fuq l-ambjent.

Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara COVID-19 Owen Bonnici żar l-uffiċini tal-kumpanija Maltija Naval Architectural Services (NAS Ltd.) li tipprovdi servizzi tekniċi speċjalizzati fis-settur marittimu għal diversi klijenti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Il-Ministru Bonnici spjega kif bis-saħħa tal- proġett VENTuRE, l-Università ta’ Strathclyde mir-Renju Unit, l-Università ta’ Ġenova mill-Italja, l-Università ta’ Malta, u NAS Ltd. qed jaħdmu flimkien biex ikunu jistgħu jaqsmu l-għarfien u jtejbu l-kapaċità xjentifika u teknoloġika fil-qasam tad-disinn tad-dgħajjes effiċjenti fl-enerġija.

B’dan il-proġett, VENTuRE se jikkontribwixxi biex Malta tipprovdi bażi tajba biex tkompli tiżviluppa l-kapaċità xjentifika u teknoloġika tagħha fl-industrija tal-baħar.

Il-Ministru Bonnici sostna li jinsab kburi li pajjiżna, bis-saħħa tar-riċerkaturi tagħha, qed tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri globali stabbiliti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

“Jien nifraħ il-fergħa tar-riċerka ta’ din il-kumpanija, immexxija minn Dr Kurt Mizzi, li issa qed tiffoka wkoll fuq fjuwils ġodda u disinni effiċjenti biex jintlaħaq l-għan ambizzjuż tal-kumpanija ta’ emissjonijiet żero u tbaħħir b’impatt ambjentali baxx”, sostna l-ministru.

Id-Direttur ta’ Naval Architectural Services, l-Iniġinier Kurt Gutteridge, spjega li din il-kumpanija bdiet billi toffri servizzi ta’ spezzjoni, ċertifikazjoni u disinn navali. Mas-snin, din il-kumpanija evolviet sabiex illum toffri konsulenza f’diversi oqsma speċjalizzati bħal ma huma l-istabbiltà tal-vapuri u l-jottijiet, disinni strutturali, ‘hull optimization’, u użu ta’ apparat li jiffranka l-enerġija.

“Illum, il-kumpanija tinsab fuq quddiem tas-settur billi tiżgura investiment kostanti f’riżorsi umani u tekniċi li huma essenzjali f’industrija bbażata fuq l-għarfien u fejn l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni huma kruċjali għas-suċċess”, temm jgħid is-Sur Gutteridge, filwaqt li sostna li apparti dan il-proġett, NAS qed taħdem fuq proġetti oħra innovattivi fuq livell internazzjonali.





bottom of page