top of page

Inawgurazzjoni tal-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fil-qasam tax-xjenza regolatorja

L-Awtorità dwar il-Mediċini tinawgura l-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fil-qasam tax-xjenza regolatorja




L-Awtorità dwar il-Mediċini tpoġġi lill-pazjent fiċ-ċentru tax-xogħol tagħha billi tagħti sostenn qawwi lill-funzjonijet tradizzjonali tagħha filwaqt li stabilixxiet b’mod effettiv direttorati innovativi bħad-Direttorat għall-Inizjattivi Avvanzati u Xjentifiċi, id-Direttorat tal-Operat Xjentifiku u Regolatorju u l-Unit tal-Intelliġenza u l-Aċċessibbiltà tal-Mediċini. Dan wassal biex l-Awtorità tpoġġi lil Malta bħala protagonista fuq livell internazzjonali f’numru t’oqsma fix-xjenza regolatorja fosthom ir-regolazzjoni tal-kannabis għall-użu mediċinali, l-aċċessibbiltà tal-mediċini u l-farmakoviġilanza.


Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fil-qasam tax-xjenza regolatorja li twaqfet fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini f’kollaborazzjoni mal-Malta Laboratories Network. Il-Prim Ministru saħaq fuq ir-reputazzjoni t’eċċellenza li l-Awtorità kisbet fil-qasam regolatorju internazzjonali.  Huwa semma esperjenza personali li kompliet isaħħaħ l-opinjoni tajba li ġa kellu fuq l-Awtorità dwar il-Mediċini. Meta kien fl-Indja, baqa’ impressjonat kif ma’ kull min tkellem sema’ r-reputazzjoni impekkabli li l-Awtorità għandha fis-settur farmaċewtiku. Permezz tal-Akkademja se nimxu pass ‘il quddiem billi nippromwovu taħriġ u riċerka fl-innovazzjoni tax-xjenza regolatorja. L-Akkademja tpoġġi l-pazjent fiċ-ċentru tal-ħidma u qed taħdem id f’id m’entitajiet lokali, Ewropej u internazzjonali biex taqsam ideat, tiddiskuti opportunitajiet u tegħleb sfidi fl-oqsma dinamiċi tax-xjenza u t-teknoloġija.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għamel referenza għat-tkabbir bla preċedent li ġie osservat fis-settur tal-farmaċewtika f’Malta. “Aħna konna xhieda ta’ żieda fin-numri ta’ prodotti mediċinali awtorizzati lokalment, li nippromwovu l-kompetizzjoni li twassal għat-tnaqqis fil-prezzijiet u aktar affordabbiltà.  Permezz ta’ koordinazzjoni stabbli ma’ awtoritajiet tas-saħħa oħrajn, id-Direttorat tal-Liċenżjar awtorizza aktar minn 4,400 mediċina fl-aħħar sitt snin, b’aktar min 700 prodott mediċinali awtorizzat din is-sena.”


Il-Ministru Bonnici kompla jgħid li “Malta hija minn ta’ quddiem nett kemm fuq livell Ewropew u kif ukoll internazzjonali fejn jidħol is-settur farmaċewtiku, fejn tinfluwenza policies u tipparteċipa fi skambji tal-aħjar prattiċi, bi sforzi li jaraw l-aħjar interessi tal-pazjent. Mill-2013 lil hawn il-proċeduri ta’evalwazzjoni li jsiru mill-Awtorità tal-Mediċini  żiedu bi kważi 70%, grazzi għall-impenn b’saħħtu biex insaħħu r-reputazzjoni internazzjonali tagħha.”


Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, l-Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista sostna li l-impenn tal-Awtorità dwar il-Mediċini fir-riċerka u l-edukazzjoni tirrifletti l-istrateġija ta' Malta għal aktar żviluppi effettivi li jsarrfu f’riżultati tanġibbli għall-pazjent. Huwa stqarr li “bħala Segretarju Parlamentari inkarigat mill-Awtorità dwar il-Mediċini hu ta’ sodisfazzjon li llum qed inwaqqfu din l-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fil-qasam tax-xjenza regolatorja biex nkomplu nkunu fuq quddiem f’dan il-qasam filwaqt li nippromwovu l-aqwa taħriġ u prattiċi għall-professjonisti fl-innovazzjoni tax-xjenza regolatorja.”


Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li l-Akkademja hi fonti ewlieni ta’ għerf li taħdem f’kollaborazzjoni  mal-Malta Laboratories Network (MLN) biex flimkien joffru programmi ta' taħriġ li jżidu l-għarfien u l-kompetenza ta’ professjonisti b’koperazzjoni m’entitatjiet nazzjonali bħall-Bord Nazzjonali tal-Akkreditazzjoni u Dipartiment tal-Farmaċija fl-Università ta’ Malta. Fost oħrajn, l-Akkademja tgawdi l-kollaborazzjoni prestiġjuża ta’ entitajiet ta’ fama internazzjonali bħall-Organizzazzjoni għall-Professjonisti fl-Affarijiet Regolatorji (TOPRA), il-Bord tal-Evalwazzjoni tal-Mediċini fl-Olanda, l-Università ta’ Bari, l-Università La Sapienza, l-Università ta’ Colorado u l-Università ta’Illinois, Chicago.



bottom of page