top of page

Inawgurazzjoni ta’ open gym fi Ġnien Dama Cecilia Pick fil-Qrendi


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima u s-Sindku tal-Qrendi David Schembri inawguraw open gym fi Ġnien Dama Cecili Pick fil-Qrendi.

Meta fis-snin disgħin bdew jinbnew diversi djar fiż-żona ‘Tal-Warda’, inħass il-bżonn li jkun hemm spazju rikreattiv u li jinkludi afforestazzjoni ta’ diversi siġar indiġeni u endemiċi. Dan il-proġett, apparti numru kbir ta’ siġar u ta’ pjanti, kien jinkludi vaska fil-parti ċentrali tal-ġnien kif ukoll spazju rikreattiv għat-tfal.

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza li għandna nagħtu importanza lill-postijiet pubbliċi u spazji rikreattivi fejn tfal u familji jkunu jistgħu jistrieħu u fl-istess ħin jissoċjalizzaw ma’ sħabhom. Dr Bonnici qal, “Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li qegħdin preżenti llum għall-inawgurazzjoni ta’ dan l-open gym fil-ġnien li ser ikun qed jitgawda mill-familji Qrendin. Aħna bħala gvern ninsabu kommessi li nibqgħu niftħu iżjed spazji fejn wieħed ikun jista’ jagħmel eżerċizzji fiżiċi, li jkunu jistgħu jitgawdew mill-poplu Malti sabiex inkomplu nedukaw lil uliedna li għandu jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-istudju u l-ħin ta’ rilassament”.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima semma li bħalissa f’numru ta’ rħula madwar Malta qed naraw dawn it-tip ta’ proġetti li għalkemm jistgħu jidhru żgħar, għandhom sinifikat importanti ħafna għax fiċ-ċentru tagħhom hemm l-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna.

“Dan huwa open gym li se jitgawda mir-residenti kif ukoll minn nies barra r-raħal. Proġett ieħor li se jkompli jippromwovi l-attività fiżika regolari bħala stil ta’ ħajja għal soċjetà aktar b’saħħitha”, ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Grima.

Is-sindku tal-Qrendi qal, “Nirringrazzja lill-Ministru Owen Bonnici kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u lil Sport Malta, li flimkien mal-ministeri rispettivi u entitajiet oħra qegħdin jgħinuna sabiex Ġnien Dama Cecilia Pick ikun verament park rikreattiv għall-familja kollha. Permezz tal-inizjattiva tal-Ministru Owen Bonnici u tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, qegħdin nintroduċu sens aktar b’saħħtu ta’ edukazzjoni permezz tal-isport u tal-eżerċizzju fiżiku”.

Matul is-snin, diversi ministeri, entitatjiet governattivi kif ukoll kumpanija privati taw is-sapport tagħhom lil Ġnien Dama Cecilia Pick, magħruf mal-Qrendin bħala l-Ġnien tal-Warda.

Din l-inizjattiva timxi fuq l-istess linji tal-gvern u l-isfida nazzjonali kontra l-obeżità f’pajjiżna, bil-ħsieb li l-pubbliku jkun jista’ jagħmlu l-eżerċizzju f’post sigur u seren.



bottom of page