top of page

INAWGURATI ŻEWĠ PROĠETTI ĠODDA F’MARSAXLOKK

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 29 ta’ Diċembru 2022) paġna numru 5.



Żewġ proġetti ġew inawgurati lbieraħ li minnhom se jgawdu r-residenti ta’ Marsaxlokk. Dan hekk kif wieħed mill-proġetti huwa l-introduzzjoni ta’ transport ġdid fil-komunità, filwaqt li l-proġett l-ieħor hu li nfetaħ ukoll mill-ġdid l-bandli tal-Magħluq.


Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u mas-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk Steven Grech.


F’din il-konferenza tħabbar ukoll li dawn iż-żewġ proġetti ġew iffinanzjati minn fondi tal-Kunsilli Lokali li permezz tagħhom se jitwettqu l-proġetti msemmija. Sabiex ikun possibbli li jinxtara l-vann, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ingħata €13,000. Intqal li dan il-vann ser ikun qiegħed joffri servizz ta’ trasport bla ħlas lill-anzjani biex jittieħdu għal appuntament l-isptar ġenerali jew fi kliniċi oħra.


Din is-sena l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk kien iffinanzjat ukoll mill-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u Għawdex’ fl-ammont ta’ ftit aktar minn €38,000 mill-istess Diviżjoni tal-Gvern Lokali għal xogħol ta’ titjib fil-bandli tal-Magħluq.


Il-Ministru Bonnici sostna li skemi bħal dawn itejjbu l-kwalità tal-ħajja, speċjalmenti għar-residenti ta’ Masaxlokk. Hu rrimarka li l-Gvern jaħdem id f’id mal-Kunsilli Lokali biex issir aktar ħidma.


Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civilli saħqet li dan il-proġetti bħal dawn se jkunu ta’ għajnuna għar-residenti. Żiedet tgħid li fis-2023, ser ikun hemm aktar finanzjament biex l-ispazji miftuħa f’Malta u Għawdex jiżdiedu.


Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech faħħar dawn iż-żewġ inizjattivi u qal li x-xogħol ta’ titjib fil-bandli kien meħtieġ.







bottom of page