top of page

Inawgurati żewġ proġetti ġodda fil-lokalità ta’ Marsaxlokk



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech, inawguraw servizz ta’ trasport ġdid fil-komunità kif ukoll il-ftuħ mill-ġdid tal-bandli tal-Magħluq. Dawn iż-żewġ proġetti kienu finanzjati minn fondi tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali permezz ta’ numru ta’ skemi.

Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ffinanzjat lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ftit aktar minn €13,000 mill-iskema ‘Proġetti Kapitali - Aċċessibilità u Mobilità’ għal xiri ta’ vann. Permezz ta’ dan il-vann, il-kunsill lokali ser joffri servizz ta’ trasport bla ħlas lill-anzjani sabiex jittieħdu għal appuntament l-isptar ġenerali jew fi kliniċi oħra.

Din is-sena, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk kien iffinanzjat ukoll mill-iskema ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex’ fl-ammont ta’ ftit aktar minn €38,000 mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali għal xogħol ta’ titjib fil-bandli tal-Magħluq.

Il-Ministru Bonnici sostna li dawn l-iskemi se jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Marsaxlokk u saħaq li b’din il-ħidma, il-gvern, id f’id mal-kunsill lokali, qed jagħmel id-differenza. Huwa appella biex iktar kunsilli lokali jipparteċipaw fi skemi li jsiru minn żmien għal żmien għall-benefiċċju aħħari tar-residenti.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civilli sostniet li huwa d-dritt ta’ kull persuna li tgħix ħajja independenti. “Għalhekk ser inkomplu ninvestu f’modi sabiex kull resident ikollu aċċess faċli għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija qalet ukoll li, “Il-Gvern Lokali huwa kommess li fis-sena 2023 ser ikompli jiffinanzja skemi favur aktar spazji miftuħa u ambjent aħjar fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, għaliex il-kwalità tal-ħajja hija fil-qofol tal-ħidma ta’ dan il-gvern”.

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech faħħar iż-żewġ inizjattivi u qal li x-xogħol ta’ titjib fil-bandli kien meħtieġ. “Il-bandli hu popolari ħafna u jitgawda kemm min-nies tal-lokal kif ukoll minn dawk li jiffrekwentaw il-lokalità ta’ Marsaxlokk. Tneħħa apparat li kien antik u mkisser u nbidel ma’ wieħed aktar modern, u żidna wkoll bandli għal persuni b’diżabilità,” qal is-Sur Grech.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu preżenti wkoll diversi membri tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk.





bottom of page