Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura uffiċjalment sitt padiljuni oħra li huma parti mill-maltabiennale.art 2024. Dawn il-padiljuni huma dawk li jirrappreżentaw lil Spanja, l-Italja, l-Awstrija, il-Polonja, iċ-Ċina u l-Padiljun tal-Fondazzjoni Lugisland of Art (Omenaart Foundation) matul il-Malta Biennale 2024.
Il-Ministru Bonnici enfasizza li l-Malta Biennale 2024 toffri pjattaforma importanti għall-artisti u l-kuraturi kemm Maltin u kemm barranin biex jesprimu irwieħhom b’perspettivi diversi. Permezz ta’ esibizzjonijiet, installazzjonijiet u diskussjonijiet, il-Biennale turi r-rikkezza tal-arti globali u tħeġġeġ id-djalogu aħjar bejn l-artisti u l-kommunitajiet diversi u rieda għal soċjetajiet aħjar, b’enfasi fuq il-Mediterran.
“Dawn l-avvenimenti jissimbolizzaw ċelebrazzjoni ta’ għaqda u esplorazzjoni kulturali, li jippromwovu d-djalogu permezz tal-espressjoni artistika,” saħaq il-Ministru Bonnici. Huwa temm jgħid li l-arti u l-kultura joffru opportunità b’saħħitha biex wieħed iwassal messaġġ.
Matul l-inawgurazzjoni tal-padiljuni kien hemm preżenti l-President tal-maltabiennale.art u Chairperson ta’ Heritage Malta Mario Cutajar u diversi uffiċjali tal-aġenzija.
Għall-inawgurazzjoni tal-Padiljun tal-Polonja attendiet ukoll id-Deputat Ministru għall-Kultura tal-Polonja Marta Cienkowska, li kellha wkoll laqgħa formali mal-Ministru Bonnici li matulha ġew diskussi temi ta’ interess komuni.
Spanja – “No man is an island”, li jinsab f’Villa Portelli fil-Kalkara, jidħol fil-kunċett ta’ identità f’ dimensjoni pluralistika, u jenfasizza l-inkontri kulturali u l-iskambji bħala aspetti fundamentali. Ikkurat minn Angel Moya Garcia, il-padiljun joffri esperjenza li tqanqal il-ħsieb, fejn jistieden lill-viżitaturi jirriflettu fuq l-arti u s-soċjetà permezz tax-xogħol artistiku ta’ Avelino Sala.
Polonja – Il-padiljun Pollakk f’Villa Portelli joffri esperjenza immersiva kkurata minn Krzysztof Stanisławski. L-artisti Ryszard Grzyb, Zdzisław Nitka, Krzysztof Skarbek, Zbigniew Maciej Dowgiałło, u Piotr Dumała juru l-arti Pollakka kontemporanja filwaqt li jirriflettu fuq l-arkivji storiċi. Permezz ta’ interpretazzjonijiet mill-ġdid ta’ narrattivi bibliċi u l-esplorazzjoni ta’ tekniki artistiċi, il-padiljun jipprovdi rappreżentazzjoni dinamika tal-kultura u l-wirt Pollakk.
Awstrija – Il-padiljun Awstrijak ikkurat minn Carl Aigner fil-Forti Sant’ Iermu fil-Belt Valletta joffri esperjenza trasformattiva. “Humanity’s Spectrum” – permezz ta’ figuri tat-terrakotta li jirrappreżentaw diversi aspetti tal-eżistenza umana, filwaqt li “Scapegoating through time” jesplora l-vittimizzazzjoni storika. Ix-xogħol artistiku ta’ Christian Gmeiner iservi bħala ċentru, li jissimbolizza t-tama u l-empatija.
Italja – L-installazzjoni ta’ Eugenio Tibaldi, “Informal Inclusion”, tisfida n-narrattivi konvenzjonali billi tenfasizza spazji miftuħa u stejjer mhux irrakkuntati f’Villa Portelli, il-Kalkara. Ikkurata minn Francesca Guerisoli u Nicolas Martino, il-wirja titfa’ dawl fuq il-kumplessitajiet tal-inklużjoni u l-legati kolonjali, filwaqt li tħeġġeġ lill-viżitaturi biex jaħsbu mill-ġdid il-perspettivi storiċi u jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet kontemporanji.
Ċina – Ikkurata minn YAN Weixin, il-wirja fil-Forti Sant’ Iermu tesplora l-intersezzjonijiet ta’ kliem u ritratti u tistieden lill-viżitaturi biex jiskopru mill-ġdid memorji mitlufa u joħolqu esperjenzi kulturali kondiviżi. Artisti bħal YAN Shanchun jikkontribwixxu għal din l-esplorazzjoni, billi jinsġu flimkien l-istorja, l-ispiritwalità u l-espressjoni artistika.
Open stands fil-Lugisland of art, Omenaart Foundation bl-isem ta’ “Space & time” ikkurata mid-disinjatur magħruf Slovakk, Boris Kudlička. Din il-wirja għandha xogħlijiet minn artisti stabbiliti Maltin u Pollakki, li jinkludu installazzjonijiet speċifiċi għas-sit b’referenzi storiċi flimkien ma’ għażla kkurata ta’ xogħlijiet minn kollezzjonijiet u sensiliet importanti.
Għal aktar tagħrif żur: https://maltabiennale.art.
Commentaires