top of page

Inawgurata wirja ġdida fil-Mużew Marittimu li turi r-rabta ta’ pajjiżna mal-baħar

 



Jitlesta x-xogħol tal-ewwel fażi tal-proġett ta’ restawr tal-Mużew Marittimu

 

Ġiet inawgurata wirja ġdida immersiva fil-Mużew Marittimu fil-Birgu, li turi r-rabta kbira li pajjiżna għandu mal-baħar. Din il-wirja qed tittella’ fi tmiem l-ewwel fażi tal-proġett ta’ restawr li qed isir fil-Mużew Marittimu, liema proġett hu kofinanzjat mill-fondi Norveġiżi.

 

F’diskors waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Chris Fearne faħħar il-mod li bih l-istorja rikka ta’ pajjiżna, li nsibu f’kull belt u raħal Malti, qed tiġi ppreservata anke permezz ta’ fondi Ewropej u fondi Norveġiżi, bħalma kien il-każ tal-Mużew Marittimu. Huwa tenna li l-Gvern huwa impenjat li jkompli juża l-fondi Ewropej bil-għaqal, sabiex tkompli tingħata l-ħajja lill-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna. Fost l-oħrajn semma d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar ix-xogħlijiet ta’ restawr ta’ Villa Guardamangia, proġett ieħor kulturali li se jsir bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-Mużew Marittimu hu sit importanti ferm għal pajjiżna u feraħ lil Heritage Malta li qed jimplimentaw dan il-proġett. Huwa tkellem ukoll dwar l-artifatti li qed jiġu esibiti fil-wirja li jvarjaw minn pitturi differenti, inkluża dik li hi maħsuba li hi l-eqdem waħda li nafu biha f’pajjiżna li turi l-Battalja ta’ Lepanto, sa strumenti antiki għall-ivjaġġar fuq il-baħar.

 

Il-ministru fakkar li l-Mużew Marittmu għalaq il-bibien tiegħu fl-2020 biex seta’ jibda proġett ta’ restawr mill-aktar ambizzjuż. “L-ewwel fażi tax-xogħlijiet, b’investiment ta’ €2 miljuni, kienet tinkludi r-riġenerazzjoni tal-aktar partijiet li kellhom bżonn restawr fil-binja u t-twaqqif tat-Taqsima tad-Diġitizzazzjoni fi ħdan Heritage Malta,” spjega l-Ministru Bonnici, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha li kienu involuti f’dan il-proġett.

 

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet, “Ix-xogħol ta’ restawr fuq postijiet storiċi mhuwiex biss dwar il-preservazzjoni ta’ bini antik, iżda huwa mod ta’ kif jiġi onorat il-passat storiku ta’ gżiritna, narrikkixxu l-preżent u nibnu futur sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan l-investiment fuq dan il-mużew ser ikompli jżid u jsaħħaħ is-settur turistiku u ekonomiku tal-Birgu u tal-madwar”. Is-segretarju parlamentari żiedet billi appellat lill-pubbliku biex iżur il-mużew u l-wirja ħalli jkompli jżid l-għarfien fuq il-wirt kulturali ta’ pajjiżna.

 

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll delegazzjoni uffiċjali responsabbli mill-EEA Norway Grants. Fid-diskors tagħha, il-Viċi Direttur tas-Sezzjoni għall-EEA Grants u l-Ewropa Ċentrali, Torill Johansen, saħqet li n-Norveġja hija kburija li kkontribwiet f’dan il-proġett immexxi minn Heritage Malta fejn il-wirt storiku se jkompli jasal għand il-pubbliku. Hija semmiet li l-wirt marittimu u kostali huwa parti integrali mill-qafas tal-identità kulturali ta’ pajjiżna u tan-Norveġja u ż-żewġ pajjiżi huma kommessi li jħarsu dan il-wirt u jarawh jitgawda mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, esprima sodisfazzjon li permezz ta’ fondi mill-EEA Norway Grants u ta’ fondi nazzjonali se jkun jista’ jitlesta dan il-proġett b’suċċess. Huwa semma li la jitlesta l-proġett, il-Mużew Marittimu se joffri lill-viżitatur esperjenza indimentikabbli inkluża bl-aktar teknoloġija moderna.

 

Għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett, li tinkludi r-restawr, l-immodernizzar u d-disinn tal-bqija tal-ispazji fil-mużew.

 

Mid-9 ta’ Frar, il-Mużew Marittmu se jkun miftuħ kuljum, apparti t-Tlieta, mid-9.00am sal-5.00pm matul Frar, u mill-10.00am sas-6.00pm bejn Marzu u Diċembru. Il-mużew huwa aċċessibbli wkoll għal persuni li jużaw siġġu tar-roti. Għal aktar tagħrif tista’ żżur: https://maltamaritimemuseum.mt/

 


 

 

コメント


bottom of page