• Team Owen Bonnici

Inawgurat uffiċċju ġdid f’Għawdex għall-Organizzazzjoni LGBTIQ+ Gozo



Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fetħu l-uffiċċju l-ġdid tal-LGBTIQ+ Gozo fil-Belt Victoria, Għawdex. L-uffiċċju msemmi Qawsalla Hub se jkun qed jospita lil din l-istess organizzazzjoni u jipprovdi lill-membri Għawdxin tal-komunità LGBTIQ+ aċċess għal diversi servizzi.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li l-uffiċċju “huwa investiment dirett mill-Ministeru għal Għawdex lil kull resident Għawdxi. Permezz ta’ dan l-uffiċċju se nkunu qed niffaċilitaw servizzi mingħajr ħlas bħal ngħidu aħna fejn isir counselling, taħriġ u fejn jiltaqgħu gruppi soċjali bħall-youth club.” Il-Ministru Camilleri kompla jgħid li dan huwa Gvern li bil-fatti jemmen fl-ugwaljanza u fid-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, b’ħafna mid-drittijiet ċivili jinkisbu fl-aħħar snin taħt amministrazzjoni Laburista u għalhekk huwa l-unika assigurazzjoni għad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. Stqarr li dan l-uffiċċju huwa xhieda oħra.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Owen Bonnici wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-kisbiet li għamel pajjiżna tul dawn l-aħħar għaxar snin fil-qasam tad-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ u spjega li issa huwa dmirna li nkomplu nibnu fuq dawk il-kisbiet, anke’ permezz ta’ servizzi bħal dawk li se jingħataw minn dan l-uffiċċju li se jkomplu jipprovdu sapport lill-persuni LGBTIQ+.

“Importanti li pajjiżna juża l-kisbiet li għamel f’dan il-qasam sabiex ikun ta’ eżempju anke’ għal pajjiżi oħra, li għadhom m’għarfux iħaddnu d-diversita’ u għadhom jiddiskriminaw kontra persuni LGBTIQ+. Fl-istess waqt, huwa kruċjali li fl-ebda mument ma nieħdu l-valur tal-ugwaljanza for granted, iżda nibqgħu nsostnuh ġurnata wara l-oħra,” qal il-Ministru Bonnici.

Fid-diskors tiegħu Eman Borg Koordinatur tal-LGBTIQ+ Gozo stqarr li “bit-tema inti inkluż ukoll, illum qed naraw il-frott ta’ ħidma li LGBTIQ+ Gozo ilu jwassal ghal dawn l-aħħar 6 snin. Ħidma fejn l-identitajiet ta’ kull individwi anke dawk Għawdxin bl-identità reġjonali huma inklużi b’mod sħiħ fiċ-ċelebrazzjoni ta’ pride f’Malta. Dan huwa frott ta’ numru ta’ attivitajiet socjali, servizzi professjonali u progetti li sawru lil din l-għaqda bħala pjattaforma ewlenija fil-gżira Għawdxija għal kull min jgħix f’Għawdex. U waqt li llum niċċelebraw, inkomplu nsostnu l-ħidma biex kull identità tkun inkluża f’kull aspett tas-soċjetà, u nwegħedukom li il-bibien ta’ LGBTIQ+ Gozo jibqgħu miftuħin kif kienu fil-passat. Huwa rringrazzja wkoll lill-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar snin wera impenn kbir biex isir dan l-uffiċċju li kien meħtieġ biex jiġu ffaċilitati servizzi u avvenimenti taħt saqaf wieħed.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li Għawdex qed jipprepara wkoll għall-Euro Pride 2023 u Ilbieraħ bosta postijiet f’Għawdex fosthom il-faċċata tal-Ministeru għal Għawdex u l-Mitħna tax-Xewkija nxtegħlu wkoll bil-kuluri tal-Qawsalla.

Il-helpline 99356622 tal-LGBTIQ+ Gozo huwa one stop shop b’kull tip ta’ servizzi ta’ support li huma konnessi ma’ counsellor professjonali li permezz ta’ means testing jirreferi lill-individwu għand il-professjonisti meħtieġa li jaħdmu mal-organizzazzjoni.





0 views0 comments