top of page

Inawgurat r-restawr tal-faċċata tal-Knisja Arċipretali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien



Il-Ministri Owen Bonnici u Byron Camilleri inawguraw xogħol estensiv ta’ restawr li sar fil-faċċata tal-Knisja Arċipretali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Tarxien. Dan sar b’investiment ta’ €100,000 minn fondi tal-Aġenzija Komunità Malta u bis-sehem u l-koperazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti.


Ir-restawr fil-faċċata ta’ din il-Knisja, li kien ilu meħtieġ, wassal sabiex illum hemm faċċata li mhux biss tidher aħjar b’mod estetiku, iżda saret il-manutenzjoni meħtieġa sabiex ġie protett wirt storiku u kulturali fil-qalba tal-lokal ta’ Ħal Tarxien.


Ix-xogħol kien jinvolvi t-tindif tal-ġebla, il-bdil tal-ġebla fejn meħtieġ, irranġar ta’ elementi tal-plastik li kien hemm fil-faċċata kif ukoll tneħħiet iż-żebgħa taż-żejt li kien hemm mal-bibien sabiex reġgħet ħarġet is-sbuħija oriġinali.


Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif ir-restawr ta’ dawn il-knejjes f’Malta jirrappreżentaw sforz li qed isir biex jiġi ppreservat il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna.


“L-attenzjoni għad-dettall u l-użu tat-teknika tradizzjonali rriżultaw f’faċċati restawrati mill-isbaħ li se jkomplu jispiraw u jżidu l-ammirazzjoni għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Aħna kommessi li nkomplu nieħdu ħsieb dawn il-binjiet storiċi, li għandhom rwol daqshekk importanti fil-komunitajiet tagħna u fl-Istorja rikka ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri tenna li proġetti bħal dawn huma ta’ fejda kbira għax minnhom igawdu mhux biss il-komunitajiet tagħna iżda fuq kollox ikomplu jieħdu ħsieb dak li jsawwarna fil-poplu li aħna.


Il-Ministru Camilleri saħaq li huwa sodisfatt illi fondi minn Komunità Malta qed imorru fi proġetti li jkunu tant meħtieġa u li permezz tagħhom qed iqarrbu l-passat mal-preżent billi jsebbħu mkejjen differenti tal-pajjiż, b’mod partikolari l-qalba tal-irħula Maltin u Għawdxin.


L-Arċipriet tal-Parroċċa, Dun Christopher Ellul, sostna li “Grazzi għal dawn il-fondi li bbenefikat minnhom il-Parroċċa, flimkien mal-ġenerożità tal-poplu Tarxiniż, issa nistgħu mill-ġdid nerġgħu napprezzaw is-sbuħija tal-faċċata tal-Knisja Arċipretali tagħna, li hija ikona tar-raħal tagħna.”


Preżenti waqt l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Joseph Mizzi u s-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela Galea.






bottom of page