top of page

Imniedi l-programm marbut mal-aspett folkloristiku u tradizzjonali tal-festa ta’ San Girgor



 

Għal sena oħra, se jerġa’ jittella’ programm kulturali u folkoristiku marbut mal-festa tradizzjonali ta’ San Girgor, li tittella’ kull l-ewwel Erbgħa wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid il-Kbir. 

 

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u d-Direttur tal-Kultura Aleks Farrugia.

 

Il-Ministru Owen Bonnici saħaq li l-Gvern huwa kommess li jkompli jgħin biex l-aspetti tradizzjonali u folkloristiċi marbuta mal-festa ta’ San Girgor jibqgħu ħajjin u jibqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra.

 

“Se tingħata importanza kbira lit-tradizzjonalità, speċjalment għall-fatt li din il-festa ilha tiġi ċċelebrata mill-1543, jiġifieri għal iktar minn 480 sena.  Minbarra r-rabtiet reliġjużi, il-festa ta’ San Girgor hija magħrufa ukoll għax fiha ssir l-ewwel għawma, dejjem jekk it-temp jippermetti,” kompla jgħid il-Ministru Bonnici.

 

“Il-Gvern kommess illi nkomplu nieħdu ħsieb li l-aspetti folkloristiċi u tradizzjonali tal-festi tagħna jkomplu jikbru u jimxu ’l quddiem. Grazzi wkoll għall-ħidma tal-kunsilli lokali, u bis-sehem tal-Kunsill Reġjonali tan-Nofsinhar, qed inkomplu nippromwovu din il-festa li hija tant għal-qalb il-Maltin u Għawdxin li jżuru ż-Żejtun u Marsaxlokk għal din il-festa," temm jgħid il-Ministru Bonnici .

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli rrimarkat fuq l-importanza li bħala pajjiż nibqgħu nirrikonoxxu l-valur ta’ attivitajiet u tradizzjonijiet kulturali Maltin u l-impatt li jħallu fuq is-soċjetà Maltija. Hija spjegat li filwaqt li l-kultura hija parti integrali minn dak kollu li jsawwarna bħala poplu, għandna wkoll naħsdu l-opportunitajiet għall-benefiċċju tal-ekonomija u t-turiżmu lokali.

 

“Dan il-Gvern dejjem kien ta’ sostenn għal qasam kulturali f’pajjiżna u kommessi li nibqgħu ngħinu lill-kunsilli lokali għal preservazzjoni u l-promozzjoni tal-kultura lokali sabiex niżguraw li t-tradizzjonijiet Maltin jibqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

Id-Direttur tal-Kultura, Alex Farrugia tenna l-impenn tad-Direttorat tal-Kultura lejn il-patrimonju ħaj ta’ pajjiżna fejn għaddejja ħidma mal-komunitajiet lokali biex jitkattar l-għarfien u l-apprezzament ta’ dan il-wirt.

 

Il-programm se jinkludi kunċert ġewwa l-Knisja ta’ San Girgor fiż-Żejtun nhar it-2 ta’ April 2024 minn KorMalta taħt id-direzzjoni ta’ Mro Riccardo Bianchi.  L-għada mbagħad, waqt il-purċissjoni mill-Kappella ta’ San Klement sal-Knisja ta’ San Girgor, ikun hemm diversi bankarelli b’elementi ta’ wirt kulturali ħdejn il-knisja ta San Girgor. Ġnien Għanejja u l-Ġnien tal-Kmand se jieħdu l-ħajja , b’inklużjoni ta’ banda  biex iżid l-atmosfera kif ukoll jitgawda l- belvedere tal-post. Wara nofsinhar, il-festi jkomplu max-xatt ta’ Marsaxlokk. Se jkun nofsinhar  li tipprovdi opportunità għal dawk li jattendu biex igawdu s-sbuħija ta’ Marsaxlokk kif ukoll l-ikel u l-Għana minn diversi għanejja u kitarristi.



 



 

bottom of page