top of page

Imniedi l-programm kulturali għat-tieni parti tas-sena tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta

Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 20 ta’ Lulju 2022) paġna numru 9.



L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ħabbret il-programm kulturali tagħha għall-perjodu ta’ Lulju sa Diċembru 2022. Il-programm jinkludi produzzjonijiet u kollaborazzjonijiet ġodda bl-involviment ta’ diversi artisti, li jimmarkaw ir-ruħ kulturali, artistika u soċjali tal-Belt Valletta.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li permezz ta’ dan il-programm kulturali qed inkomplu nuru bil-fatti kemm aħna kburin bil-kultura Maltija u kemm se nibqgħu nimbuttaw il-prodott u l-identità Maltija f’kull okkażjoni.


Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef tenna li jinsabu lesti biex għal darb’oħra joffru lill-pubbliku programm li jiċċelebra l-ħajja u l-ferħ, filwaqt li jiffukaw b’mod sħiħ fuq it-talent lokali, kif ukoll f’attivatijiet li jkomplu jenfażizzaw l-isbuħija tal-Belt Valletta.


Dan il-programm jinkludi l-ewwel produzzjoni tat-teatru mużikali bħala kollaborazzjoni bejn Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bl-isem ta’ ‘Sweeney Todd, The Demon Barber of Fleet Street’. Din il-produzzjoni tinsab għaddejja bħalissa. Fl-istess waqt, qed tittella’ wkoll il-Malta Fashion Week and Awards, avveniment tal-moda li jittrasforma l-belt kapitali fi pjattaforma għat-talent Malti u dak kollu li l-industrija tal-moda lokali għandha x’toffri.


F’Settembru se jkollna l-ewwel edizzjoni tal-Valletta Local Food Week, li se jsir fil-Valletta Design Cluster. Il-Valletta Local Food Week se tippromwovi u tiċċelebra x-xena kulinarja u l-kċina lokali. Il-programm tal-Valletta Design Cluster ikompli b’serje ta’ open days, opportunitajiet għall-membri u ħafna aktar.


Se jibqa’ jkun hemm ukoll installazzjonijiet ikkuluriti fi Triq in-Nofsinhar, li jingħażlu permezz ta’ sejħiet miftuħa għal proposti, li jinbidlu kull erba’ xhur.


F’Ottubru se jittella’ kunċert minn wieħed mill-artisti l-aktar imfittxija fid-dinja, José Cura, li se jinterpreta firxa wiesgħa ta’ kanzunetti li ġejjin minn art twelidu, l-Arġentina, kif ukoll kompożizzjoni oriġinali ta’ ċiklu ta’ kanzunetti bbażata fuq il-poeżija ta’ Pablo Neruda.


L-edizzjoni ta’ Altofest Valletta, iddisinjata speċifikament għall-Belt Valletta, se ssir ukoll f’Ottubru.


Lejn l-aħħar tas-sena mbagħad se jkun hemm wirja mill-iskultur Antoine Farrugia. F’din il-wirja, bl-isem ta’ ‘It’s all Paperwork’, se jintwerew xogħlijiet tal-arti li se juru l-ġebla tal-franka tittrasforma f’dik li tista’ titqies bħala ‘kważi karta’.


Dan filwaqt li ċ-ċelebrazzjoni ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta se tkun qed tipprovdi spettaklu uniku, inkluża wirja speċjali tal-logħob tan-nar fil-Port il-Kbir.



bottom of page