top of page

Imniedi l-Pjan ta’Azzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-Sena 2024

 



€5 miljun fi skemi ta’ finanzjament u varjetà ta’ programmi edukattivi 

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-pjan ta’azzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti għas-sena 2024. Huwa qal li din is-sena għall-kunsill se tkun sena ta’ investimenti, inizjattivi, u programmi li huma kollha mmirati biex jimplimentaw il-Politika Kulturali Nazzjonali.

 

“L-iskemi ta’ finanzjament li se jiġu mnedija din is-sena mill-kunsill, b’investiment ta’ madwar €5m fis-setturi kulturali u kreattivi, se jkunu mmirati għal udjenza wiesgħa, inklużi artisti individwali, kreattivi, gruppi, organizzazzjonijiet, entitajiet reġistrati, u koperattivi kreattivi,” qal il-Ministru Bonnici.

 

Huwa spjega li b’kollox se jitniedu total ta’ 27 skema differenti ta’ finanzjament, li jinkludu tliet inizjattivi ġodda: l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Apprendistat, il-Programm Reġjonali ta’ Koperazzjoni Kulturali u l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Film u t-Televiżjoni.

 

“Is-suċċess strateġiku tal-Kunsill Malti għall-Arti huwa riżultat tal-isforzi kollaborattivi ma’ firxa wiesgħa ta’ stakeholders, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll ma’ artisti u ma’ operaturi kulturali, li bil-kreattività u bl-innovazzjoni tagħhom kompla wassal għat-tisħiħ ta’ dawn is-setturi. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2024 se tara lill-kunsill ikompli jaqdi rwol ċentrali fl-investiment, fil-promozzjoni u fl-appoġġ tas-setturi kulturali”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Albert Marshall, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, irrefera għall-impenn kontinwu tal-kunsill għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fost is-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Huwa semma wkoll iż-żieda bla preċedenti fl-investiment tal-gvern f’dawn is-setturi, il-preżenza Maltija fi ħdan il-komunità artistika internazzjonali, kif ukoll is-sħubijiet lokali u internazzjonali aktar b’saħħithom fis-setturi kulturali u kreattivi.

 

Mary Ann Cauchi, Direttur għall-Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, sostniet li l-kunsill qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex jiżgura li aktar nies jibbenefikaw, kemm direttament u indirettament. Semmiet li permezz ta’ numru ta’ kampanji, inizjattivi u kollaborazzjonijiet, il-kunsill se jkompli jimplimenta l-miri strateġiċi tiegħu kif ukoll ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu li jespandi l-intraprenditorjat kreattiv.

 

L-2024 se tkun ukoll sena eċitanti għall-internazzjonalizzazzjoni, li se tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’La Biennale Di Venezia, b’paviljun nazzjonali ddisinjat mill-artist Matthew Attard u intitolat I Will Follow the Ship, fost avvenimenti oħra, kif ukoll il-ftuħ tas-Sejħa tal-Paviljun ta’ Malta għal-London Design Biennale 2025.

 

Lokalment, in-numru ta’ inizjattivi, webinars, u sessjonijiet ta’ informazzjoni tal-kunsill se jkomplu, biż-żieda ta’ Kunsillkafè, kunċett ġdid bl-għan li jippromwovi d-djalogu u d-diskussjoni.

 

Għal aktar informazzjoni żur www.artscouncil.mt jew ċempel +356 23347201/02.



 


 

 


 

1 view
bottom of page