top of page

Imniedi l-Padiljun ta’ Malta fil-maltabiennale.art



 

Il-Padiljun ta’ Malta fil-maltabiennale.art ġie mniedi llum fil-MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, u se jkun qed jilqa’ l-viżitaturi sal-Ġimgħa 31 ta’ Mejju 2024.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif il-padiljun joffri ħarsa unika lejn pajjiżna, imsejsa fuq in-narrattivi differenti msawra fl-arċipelagu tagħna bħala nazzjon konness intimament mal-baħar Mediterran li jiċċirkondah u ma' l-għajta kontinwa favur il-paċi. “L-iskop ta’ dan il-padiljun, bit-tema ‘SEJBIET U STEJJER’, huwa li jikxef u jikkomunika dawn in-narrattivi”, qal il-Ministru Bonnici. Huwa kompla jgħid li, “Il-padiljun jesebixxi wkoll numru ta’ xogħlijiet mill-kollezzjoni tal-arti kontemporanja li tinsab f’MUŻA u spjega kif ix-xogħlijiet magħżula, li jsegwu t-tema enfasizzata fil-Padiljun, jiffurmaw parti minn kollezzjoni ferm akbar li l-għan tagħha huwa li tiddokumenta x-xogħlijiet, l-iżvilupp u l-kisbiet tal-artisti fl-istorja internazzjonali.”

 

Fid-diskors tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit qal li maltabiennale.art 2024 jimmarka kapitlu ġdid fl-istorja ta’ Heritage Malta, li hu ttamat li jkompli jinkiteb kull sentejn minn issa ’l quddiem. Huwa saħaq li l-inizjattiva tal-Biennale tixhed il-ħila tal-aġenzija li timxi maż-żminijiet minkejja r-rabtiet ovvji tagħha mal-imgħoddi. Din l-inizjattiva hija wkoll mezz eċċellenti kif Heritage Malta tkompli twettaq il-missjoni tagħha fuq diversi livelli – fosthom billi tissokta ttejjeb il-profil internazzjonali tagħha; tkattar l-aċċessibbiltà għas-siti u l-mużewijiet tagħha permezz ta’ udjenza ferm usa’; u tixpruna djalogu profond li jagħti nifs ġdid lis-siti u l-mużewijiet u jbiddel in-natura statika tagħhom f’ċentri ta’ diskussjoni ħajja.

 

Waqt is-serata tal-ftuħ, il-kuratriċi tal-maltabiennale.art, Katya Micallef, qasmet id-definizzjoni tagħha tal-arti kontemporanja; hekk kif kull wieħed minnha jistaqsi dwar l-inħawi tagħna, l-istil tal-ħajja tagħna u l-istorja tagħna, u l-artisti kontemporanji lill-istess jagħmlu billi jużaw mezzi tal-arti differenti u jippreżentawha f'kuntest li jista jkun f'gallerija tal-arti, fuq sit speċifiku jew ukoll online, billi jsegwi tendenzi kontemporanji fil- arti viżiva. Permezz ta’ kunċetti differenti, l-artisti Norbert Francis Attard (1951), Alexandra Aquilina (1987), Trevor Borg (1976) u Patrick J. Fenech (1957) jippreżentaw sens ta’ skoperta lejn l-istorja tagħna filwaqt li jesponu narrattivi viżibbli f’Malta kontemporanja. L-artisti huma: Kurt Arrigo (1969), Kris Micallef (1988), Debbie Caruana Dingli (1962), Jesmond Vassallo (1976), Andrew Diacono (1958), Ryan Falzon (1988), Alex Attard (1955), Nigel Baldacchino (1989), Teresa Sciberras (1979), Robert Zahra (1977), Margerite Pulè (1976), Charlie Cauchi (1980), Kane Calì (1983), Nico Conti (1992), Pierre Portelli (1961), Ruth Bianco (1955), Paul Scerri (1959) u Charles is-City Gatt (1944-2022).

 

Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-10.00am sas-6.00pm, u l-biljetti jistgħu jinxtraw minn: www.heritagemalta.mt/store  kif ukoll mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta. Għal aktar tagħrif dwar il-Padiljun ta’ Malta tistgħu żżuru din il-paġna: https://maltabiennale.art/pavilion/findings-and-fantasies-real-and-imagined-narratives-inspired-by-the-identity-of-our-genes/.

 


 

bottom of page