top of page
Open Site Navigation

IMNIEDI L-KALENDARJU TA’ FESTIVALS MALTA GĦALL-2023

Kitba meħuda mill-Orizzont(L-Erbgħa 7 ta’ Diċembru 2022) paġna numru 20.





Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici attenda għaċ-ċelebrazzjoni tal-5 snin anniversarju mit-twaqqif ta’ Festivals Malta u nieda l-Kalendarju Kulturali għall-2023 tal-istess aġenzija.

Il-Ministru Bonnici spjega s-suċċess li qed tagħmel Festivals Malta, li hija responsabbli minn 11-il festival u 5 festi nazzjonali, u li torganizza aktar minn 260 avveniment kull sena.

“Festivals Malta rnexxielha tikseb ir-rispett ta’ eluf ta’ artisti lokali u internazzjonali u saret sinonima mal-produzzjoni ta’ festivals u avvenimenti tal-ogħla kalibru f’Malta, b’legat li jissupera kull aspettattiva. Irridu nkomplu ninvestu fil-kultura tagħna, inkomplu wkoll nagħtu sostenn lis-setturi kreattivi u kulturali fejn iktar artisti qed jingħataw l-opportunità jkabbru u jtejbu t-talenti tagħhom”, stqarr il-Ministru Bonnici.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, qal, “Celebrating the Past, Creating the Future hija t-tema li għażilna biex infakkru il-ħames snin anniversarju tagħna. Ħames snin li mhux dejjem kienu ward u żahar. Il-pandemija ppreżentatilna ħafna ostakli u minħabba f’hekk ma stajniex nagħmlu dak li kien pjanat, u ma stajniex nipproduċu avvenimenti tal-massa għar-raġunijiet ovvji. Madanakollu, xorta waħda ħassejna l-ħtieġa li nkunu ta’ servizz għall-poplu, u t-tim ħabrieki tagħna baqa’ għaddej b’ideat innovattivi u proġetti ġodda. Illum, niċċelebraw il-passat tagħna bl-ikbar kburija, u b’ottimiżmu qawwi nħarsu ’l quddiem lejn il-futur li se noħolqu flimkien.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala, tkellmet dwar il-kisbiet numerużi tal-aġenzija. Hija spjegat ukoll li wara t-tnedija tal-istrateġija l-ġdida fl-2021, Festivals Malta bdiet il-ħidma tagħha fuq tliet għanijiet ewlenin, dawk tas-sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-udjenza u l-kollaborazzjoni.

“Dawn il-ħames snin ħaduna fuq vjaġġ straordinarju fejn stabbilixxejna ruħna bħala l-esponent ewlieni tal-festivals lokali. Festivals Malta uriet xi ssarraf u x’inhuma l-kapaċitajiet tagħha. Illum għandna stampa ċara ħafna ta’ fejn nixtiequ nkunu fi żmien ħames snin, u diġà bdejna naħdmu biex nilħqu l-għanijiet li identifikajna fl-istrateġija tagħna. Fid-dawl tal-klima soċjoekonomika attwali, aħna nħossu li s-sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-udjenza, u l-kollaborazzjoni huma l-oqsma ewlenin li għandna niffukaw fuqhom f’dan il-waqt,” qalet is-Sa Stivala.

Fl-2023 Festivals Malta se tagħti bidu lill-kalendarju tagħha bil-Valletta Baroque Festival f’Jannar, il-Karnival ta’ Malta fi Frar, Mużika Mużika f’Marzu, Ritmu u l-Malta International Arts Festival f’Ġunju, il-Malta Jazz Festival u d-Dance Festival Malta f’Lulju, Notte Bianca f’ Ottubru, The Three Palaces Festival u l-festival ġdid The Early Opera and Music Festival f’Novembru. Apparti minn hekk hemm ukoll 5 avvenimenti nazzjonali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-aġenzija, kif ukoll Rock ‘N Malta li permezz tiegħu Festivals Malta tappoġġa l-komunità tar-rock f’Malta.

Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti ta’ Festivals Malta, żur www.festivals.mt.



2 views
bottom of page