top of page

Il-proġett ta’ Matthew Attard għall-Padiljun ta’ Malta fis-60 edizzjoni tal-Biennale di Venezia



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li l-artist Malti Matthew Attard se jirrappreżenta lil Malta fis-60 esebizzjoni tal-Arti Internazzjonali prestiġjużi, La Biennale di Venezia. Is-60 edizzjoni tal-Biennale di Venezia se tiftaħ fl-20 ta’ April 2024 u se tkompli sal-24 ta’ Novembru 2024.

“Imwaqqaf fl-1895, l-avveniment li jġib l-isem ta’ La Biennale di Venezia, huwa pjattaforma għall-esebizzjoni tax-xogħlijiet ta’ artisti internazzjonali u llum huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar istituzzjonijiet kulturali internazzjonali prestiġjużi għall-preżentazzjoni u għall-promozzjoni tal-arti kontemporanja,” tenna l-Ministru Bonnici.

Huwa kompla jispjega li din se tkun l-ewwel darba li l-padiljun nazzjonali se jiġi fdat lil artist wieħed Malti. “Il-proġett ta’ Matthew Attard għall-Padiljun ta’ Malta, ‘I will follow the ship’, jesplora ideat ta’ eżistenza umana u sopravivenza fil-punt ta’ konverġenza bejn l-istorja u l-futur, l-esperjenza fiżika u l-input diġitali,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Mary Ann Cauchi, Direttur tal-Fondi u Strateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, qalet li permezz tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale, il-Kunsill Malti għall-Arti se jsaħħaħ l-arti u l-kultura Maltija fuq livell internazzjonali, kif ukoll se jippromwovi s-settur kreattiv u kulturali. Kompliet li l-esebizzjoni ta’ Matthew Attard se tgħaqqad il-wirt kulturali Malti mat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali.

“Huwa unur għall-Kunsill Malti għall-Arti li jkun il-kummissjonant u li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu għal dan l-avveniment tant importanti fid-dinja tal-arti u l-kultura, u l-Kunsill se jistinka biex ikompli jpoġġi lil Malta u lill-artisti tagħha, fuq il-mappa internazzjonali,” temmet tgħid is-Sa Cauchi.

Il-prestazzjoni solo ta’ Matthew Attard intitolata, ‘I will follow the ship’, u li tikkonsisti f’kummissjoni ġdida ta’ arti li twaħħad il-wirt kulturali u t-teknoloġija tal-AI mill-aktar avvanzata, se tkun kokurata mill-kuratriċi Taljana-Amerikana Sara Dolfi Agostini u l-kuratriċi Maltija Elyse Tonna, li t-tnejn li huma, huma attivi fix-xena tal-arti Maltija permezz ta’ diversi kollaborazzjonijiet. Maria Galea u Galleria Michela Rizzo se jieħdu ħsieb il-maniġment tal-proġett.

Ġie spjegat ukoll il-kunċett wara ‘I will follow ship’. It-tifsiriet u l-valuri tat-tpinġijiet anonimi tal-bċejjeċ tal-baħħar jidwu fiż-żminijiet preżenti tagħna, fejn it-teknoloġija tal-kompjuters u tal-internet wasslu għal emanċipazzjoni artistika tal-massa u għelbu ċ-ċentri tal-poter lokali tradizzjonali. Dan huwa l-punt tat-tluq tal-proġett ta’ Attard għall-Padiljun ta’ Malta, u ġie kkonċeput biex jikkatalizza l-attenzjoni tal-ispettatur permezz ta’ apparat teknoloġiku li jippermetti interazzjoni diġitali u spekulazzjoni ta’ ħsieb kollettiv dwar il-futur. Fil-fatt, il-graffitti tal-bċejjeċ tal-baħar huma uniċi għal Malta, iżda jidwu ma’ ħafna kulturi oħra li r-relazzjoni tagħhom mal-baħar kienet—u għadha—kruċjali, kif wieħed jista’ jara fl-inċiżjonijiet ta’ Venezja stess. Fi żmien ta’ bidla fil-klima, żieda fil-livell tal-baħar, u mistoqsijiet dwar post l-umanità f’dinja iperteknoloġika, dawn il-marki ta’ tama, dawn il-metafori elementali infilsati fil-fond tal-konoxxenza umana, isibu ruħhom f’nofs il-Padiljun biex jiżvelaw x’hemm mistur wara l-paraventi u t-twemmin.

Il-membri tal-Bord tal-Evalwazzjoni kienu l-Perit Adrian Mamo, id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel; Dr Katya Micallef, Kuratriċi ta’ MUŻA; u Daniel Azzopardi, id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv. L-evalwazzjoni kienet ippreseduta minn Mary Ann Cauchi, Direttur fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.





bottom of page