• Team Owen Bonnici

Il-Prim Ministru jsegwi mill-qrib lezzjoni online



Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, żar il-Ġ.F. Abela Junior College, fejn seta’ jsegwi mill-qrib kif it-tagħlim tal-istudenti ta’ dan il-kulleġġ baqa’ għaddej permezz ta’ lezzjonijiet online li qed isiru f’dan iż-żmien partikolari. Flimkien ma’ lettur fi ħdan il-kulleġġ, il-Prim Ministru poġġa biswit l-għalliem sabiex isellem lill-istudenti u jsegwi mill-viċin is-suġġett ippjanat għal din il-lezzjoni. Qabel ma bdiet il-lezzjoni, numru ta’ studenti għamlu diversi mistoqsijiet lill-Prim Ministru, fosthom dwar ideat ġodda għal tagħlim aħjar fis-sistema edukattiva u dwar il-futur tal-istudenti wara l-imxija tal-Covid-19. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru staqsa lill-istudenti dwar x’jaħsbu li huma l-aħjar metodi li għandhom jidħlu fis-seħħ wara li jitneħħew il-miżuri restrittivi li jinsabu fis-seħħ bħalissa. Kienu bosta li wieġbu bi ħġarhom u esprimew l-interess personali tagħhom. Fl-aħħar tal-lezzjoni virtwali, il-Prim Ministru rringrazzja lill-edukaturi u lill-istudenti tal-biċċa xogħol tajba immens li qed issir f’dan il-mument partikolari, fejn minkejja l-isfidi li qed naffaċċjaw flimkien, inħolqot opportunità innovattiva ta’ tagħlim virtwali. Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal li l-gvern jemmen ħafna fl-istituzzjonijiet post-sekondarji bħalma hi l-Junior College, għax jgħinu ħafna fl-iżvilupp u fil-maturità edukattiva taż-żgħażagħ tagħna.  “Aħna konna kommessi mill-bidu nett li wara li l-iskejjel ingħalqu għat-tagħlim, l-edukazzjoni titkompla online.” Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll il-Prinċipal tal-Junior College, is-Sur Paul Xuereb.

  • Facebook - White Circle
  • Twitter - White Circle
 t: 2180 2000   m: 9946 5436
Owen Bonnici Logo