top of page

Il-President George Vella jżur ix-xogħlijiet li għaddejjin fil-Palazz tal-President il-Belt Valletta

Kitba meħuda mill-gazzetta ‘Illum’ (Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2022) paġna numru 04.



Il-President ta’ Malta George Vella qal li fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta, qiegħed isir xogħol professjonali u rringrazzja lil kull min huwa involut fil-proġett ta’ restawr imexxi minn Heritage Malta. “Naħseb li kien xieraq li palazz bħal dan, li huwa ġojjell, wieħed jagħmel minn kollox biex jerġa’ jġibu lura għal dak li kien”, qal il-President.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, il-President Vella żar ix-xogħlijiet fost oħrajn fl-Uccelliera, is-sala fejn il-Gran Mastri kienu jżommu l-għasafar eżotiċi u li sa ftit tas-snin ilu kienet maqsuma f ’ħafna kmamar, li kienu jinkludu anke l-Uffiċċju tal-Ispeaker. Il-Perit responsabbli mill-proġett David Zahra spjega lill-President li f ’din is-sala reġa’ tpoġġa s-suffett, impitter minn Niccolò Nasoni bejn l-1723 u l-1725, u li kien tneħħa minn postu fit-Tieni Gwerra Dinjija u qatt ma reġa’ twaħħal.

Il-President Vella żar ukoll ix-xogħlijiet fl-Armerija oriġinali tal-Palazz li jinsabu fi stadju avvanzat. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-pavimentar u s-suffett wara li tlesta r-restawr tal-iskema tal-ħitan. Il-President stqarr li jinsab impressjonat bl-ammont ta’ materjal li nstab u reġa’ sab postu fil-Palazz u awgura li dan il-proġett jitgawda mill-poplu. “Kollox sar bl-aħjar interess tal-binja biex nerġgħu nġibu lura l-importanza li kellu dan il-Palazz fl-istorja ta’ pajjiżna”,żied jgħid il-President Vella.



bottom of page