top of page

Il-paċi u l-ġustizzja soċjali rrimarkati f’laqgħa f’pajjiżna li ġabet flimkien Sindki u mexxejja lokali mil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq



 

Diversi Sindki u mexxejja lokali minn 24 lokalità minn madwar il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq flimkien ma’ diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u msieħba internazzjonali ltaqgħu f’Malta għal konferenza organizzata min-Network Strong Cities b’kollaborazzjoni mal-Istitut Internazzjonali għall-Ġustizzja u l-Istat tad-Dritt, l-Unjoni Ewropea permezz tal-inizjattiva STRIVE Cities u d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Awstraljan.

 

Matul dan l-avveniment ta’ jumejn, il-parteċipanti qed jiddiskutu kif il-gvernijiet lokali, f’kooperazzjoni mal-kontropartijiet nazzjonali u l-imsieħba internazzjonali, jistgħu jtaffu l-impatti tal-migrazzjoni fuq il-koeżjoni soċjali. B’mod aktar wiesa’, il-workshop jiffoka fuq l-importanza li wieħed iqis il-ħtiġijiet tas-soċjetà kollha biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u sfidi oħra relatati mal-mibegħda u l-estremiżmu.

 

Waqt din il-konferenza kienu preżenti l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, kif ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit.

 

Il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq il-bżonn li f’dinja interkonnessa, li qed tiffaċċja għadd kbir ta’ sfidi ta’ sigurtà, id-diskussjoni u d-djalogu jkunu dejjem fuq quddiem nett sabiex jitfasslu soluzzjonijiet li jżommu bħala mira ewlenija l-ħtieġa tal-paċi. Huwa saħaq li s-soluzzjonijiet globali jinkisbu biss billi jiġi żgurat li dawk involuti, inklużi l-mexxejja lokali, jifhmu r-responsabbiltajiet tagħhom biex itaffu u jsolvu t-theddid għall-paċi u s-sigurtà.

 

Il-Ministru qal li bis-saħħa tal-pożizzjoni ġeografika tagħha, Malta dejjem serviet bħala punt ta’ kuntatt bejn il-pajjiżi Ewropej u x-xtut tat-tramuntana tal-Mediterran, fejn dan ipprovdielna l-opportunità li nassumu r-rwol ta’ promoturi ta’ djalogu u kollaborazzjoni reġjonali u biex attivament naħdmu għall-paċi.

 

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-mexxejja tal-komunitajiet għandhom id-dmir li jisimgħu lill-komunitajiet fi ħdanhom u jaħdmu favur it-titjib tal-kundizzjonijiet u l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħhom. “Bħala persuni li nfasslu u nimplimentaw il-politika, għandna nkunu aħna l-mexxejja li nisħqu fuq il-ġustizzja soċjali, billi nkunu aċċessibbli u responsabbli miċ-ċittadini tagħna,” saħqet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

 

Eric Rosand, Direttur Eżekuttiv tan-Network ta’ Strong Cities, irringrazzja lill-Gvern Malti talli laqa’ lil Strong Cities u uffiċjali lokali minn madwar il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq. Huwa qal li dan ikompli juri l-impenn ta’ Malta biex tippromwovi l-kooperazzjoni u l-paċi u s-sigurtà fir-reġjun tal-Mediterran u lil hinn.

 

“Din hija opportunità qawwija biex il-bliet u l-komunitajiet lokali madwar ir-reġjun jindirizzaw dawn l-isfidi. Permezz ta’ Strong Cities MENA Regional Hub, il-gvernijiet lokali qed jikkooperaw u jaħdmu flimkien biex jaqsmu tagħrif u passi prattiċi biex jgħinu fil-bini ta’ komunitajiet reżiljenti,” qal Rosand, filwaqt li saħaq li dan il-forum hu opportunità biex ikun hemm skambju ta’ ideat u suċċessi u jsawwar sħubijiet fil-ġlieda kontra l-mibegħda, l-estremiżmu u l-polarizzazzjoni.

 


bottom of page