top of page

Il-Ministru Bonnici jisħaq dwar id-dover kollettiv li jiġu protetti l-wirt kulturali Ukrena

Il-Ministru Bonnici jisħaq dwar id-dover kollettiv li jiġu protetti l-wirt kulturali u l-kultura Ukrena



Kitba meħuda mill-Orizzont( Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2022) paġna numru 13.



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li s-sena 2022 se tibqa’ mfakkra bħala s-sena li fiha r-Russja wettqet aggressjoni fuq l-Ukrajna. “Din il-gwerra ħalliet danni materjali u morali kbar fuq il-poplu tal-Ukrajna, u anke fuq is-settur kulturali. Bħala blokk Ewropew aħna għandna d-dover li nissapportjaw u nassistu bil-għan li nipproteġu d-diversità kulturali tal-kontinent”, qal il-Ministru Bonnici.


Waqt li kien qed jindirizza laqgħa formali tal-Kunsill tal-Ministri tal-Kultura fi Brussell, li għalih attenda wkoll il-Ministru tal-Kultura Ukren Oleksandr Tkachenko, il-Ministru Bonnici qal li l-impatt fuq is-settur kulturali fl-Ukrajna jidher li se jdum għal żmien twil.


“F’dan il-kuntest, Malta diġà provdiet u qed tipprovdi sapport u servizzi umanitarji lill-Ukrajna. Iżda, hekk kif qed tkompli għaddeja l-gwerra, rridu nkomplu nfittxu metodi kif nibqgħu nissapportjaw l-assistenza umanitarja lill-Ukrajna,” sostna l-ministru. Huwa spjega li Malta tappoġġja l-approċċ Ewropew biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin fi żmien qasir u saħaq li pajjiżna jissapportja l-Emergency Response Coordination Centre (ERCC).


Owen Bonnici semma metodi oħrajn kif jistgħu jassistu l-qasam kulturali fl-Ukrajna, fosthom il-koperazzjoni li tista’ tingħata lill-artisti permezz ta’ kuntatti msaħħa bejn il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u bliet Ukrajni u l-iżvilupp ta’ programmi konġunti ta’ diġitalizzazzjoni f’dan is-settur. Dan jista’ jgħin biex joffru ambjent iktar sigur.


Huwa qal li l-kultura hija r-ruħ ta’ pajjiż u għalhekk il-kultura Ukrajna għandha titqies bħala l-pedament tal-futur ta’ dan il-pajjiż. Kompla li huwa importanti li jiżviluppaw rimedji long-term fil-mixja biex iżommu dan l-appoġġ fil-qalba tal-Unjoni Ewropea.


“Tabilħaqq, il-gwerra qed iżżomm lura l-iżvilupp ta’ rimedji long-term. Madanakollu din hija deċiżjoni strateġika għaliex li nżommu l-kultura Ukrajna ħajja hi importanti biex nipproteġu d-diversità kulturali tal-kontinent u nibnu l-futur tal-Ukrajna. Dan il-kunċett qiegħed ukoll fil-qalba tal-Unjoni Ewropea,” qal il-Ministru Bonnici.


Matul il-laqgħa, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova preżentat il-proposta tal-kummissjoni dwar l-Att Ewropew għal-Libertà fil-Media. Owen Bonnici rringrazzja lill-Kummissjoni u lill-Presidenza għar-rapport ta’ progress li ġie ppreparat dwar din il-proposta u saħaq li Malta tappoġġja l-azzjoni fuq livell Ewropew u l-għanijiet ta’ dan l-Att li jimmira li jtejjeb it-tħaddim tas-suq intern tal-media.


Il-Ministru Bonnici temm jgħid li “Malta tħares ‘il quddiem għal iktar diskussjoni taħt Presidenzi futuri bil-għan li niżviluppaw l-aqwa test li jirrifletti l-bżonnijiet tas-settur.”




Comments


bottom of page