top of page

Il-Ministru Owen Bonnici u l-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs jipparteċipaw f’taħdita dwar l-għodod diġitali għal-lingwi ta’ pajjiżi żgħar



 

Iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti organizza taħdita dwar l-għodod diġitali għal-lingwi ta’ pajjiżi żgħar bħalma huma Malta u l-Latvja.  It-taħdita saret bis-sehem tal-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs, li bħalissa jinsab Malta għal żjara statali, u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.

 

Malta u l-Latvja għandhom ilsien uniku, li maż-żmien it-tnejn li huma għaddew minn sfidi minħabba l-istorja soċjo-politika tagħhom.  Iż-żewġ pajjiżi qed iħarsu l-Malti u l-Latvjan rispettivament u għaddejjin b’ħidma biex isaħħu r-riżorsi b’diversi miżuri u inizjattivi filwaqt li qed jaġġornaw ruħhom maż-żminijiet.

 

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa kommess li jagħti sostenn lil proġetti għall-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-għodod lingwistiċi li jappoġġjaw l-użu tal-lingwa Maltija, kemm fit-tagħlim u anke fil-ħidma ta’ kuljum, ewlenin fosthom fl-amministrazzjoni pubblika. 

 

Il-Ministru Bonnici qal li proġett bħal traduzzjoni.mt għandu potenzjal ikompli jiżviluppa u qal li t-taħdita tal-lum tat l-opportunità lil entitajiet varji Maltin u Latvjani biex jaqsmu l-esperjenzi ta’ xulxin fl-iżvilupp tal-għodod diġitali għal-lingwi.  Huwa ħeġġeġ biex isiru iktar kollaborazzjonijiet fuq inizjattivi innovattivi ta’ din ix-xorta.

 

Il-Ministru Bonnici sostna li l-ħidma taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti għaddej b’ritmu tajjeb u fakkar kif lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar se jittella’ l-Forum Nazzjonali dwar l-Ilsien Malti, li stqarr se jkun opportunità mill-isbaħ biex issir diskussjoni kostruttiva dwar kif nistgħu nieħdu ħsieb u nippromwovu l-ilsien uniku ta’ pajjiżna.

 

Il-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs qal li l-Latvja u Malta, minkejja d-daqs żgħir tagħhom, għandhom storja u kultura rikka, inkluż b’rabta mal-ilsna tagħhom.  Żied jgħid li l-kollaborazzjoni teknoloġika bejn il-kumpanija Latvjana Tilde u l-Gvern Malti qed isservi bħala xhieda ta’ kemm dawn iż-żewġ pajjiżi jistgħu javvanzaw b’tali mod li jippromwovu kemm il-kompetittività u anke l-preservazzjoni tal-wirt kulturali tal-Latvja u Malta.

 

Il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti Norma Saliba semmiet li matul dawn l-aħħar xhur iċ-Ċentru ltaqa’ ma’ diversi organizzazzjonijiet u individwi, u qalet li, “Dawn il-laqgħat qed jirrendu fi proposti biex isiru inizjattivi u proġetti mhux biss biex nipproteġu ilsienna bħala wirt uniku tagħna, iżda sabiex f’dinja globalizzata, u f’pajjiż dejjem aktar multikulturali, insaħħu l-lingwa nazzjonali tagħna.”

 

Is-Sa. Saliba qalet li l-għodod diġitali għandhom jgħinu għall-promozzjoni u l-preservazzjoni tal-ilsien Malti, b’kollaborazzjonijiet li jistgħu jsiru bejn Malta u entitajiet oħrajn lokali u barranin. Hija ġabet l-eżempju tal-proġett traduzzjoni.mt, sit elettroniku bla ħlas għat-traduzzjoni ta’ testi legali u dokumenti uffiċjali oħra.  Dan il-proġett hemm involuti fih l-Università ta’ Malta, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, l-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (MITA), u l-kumpanija privata Latvjana Tilde, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Wirt Kulturali, l-Arti u Gvern Lokali u l-Kummissjoni Ewropea.

 

It-taħdita ttellgħet  fi Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta, u fiha ħadu sehem diversi entitajiet li huma involuti f’ħidma fl-ilsien Malti, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija tal-informazzjoni, ir-riċerka, u l-amministrazzjoni pubblika.

 


bottom of page