top of page

Il-Ministru Bonnici jżur sala tal-kunċerti ġdida li se tospita il-Lovin Music Awards



Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici żar sala tal-kunċerti ġdida f’Raħal Ġdid, li se tkun qed tospita l-Lovin Music Awards, avveniment li għal darb’oħra se jkun qed jiċċelebra t-talent mużikali f’pajjiżna.


Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici faħħar l-isforzi tas-settur privat biex jinvesti fit-talent lokali. “Bħala pajjiż aħna qegħdin naħdmu lejn il-ħolqien tal-aħjar ambjent li jippromwovi u jssaħħaħ it-talent lokali, u investimenti ta’ din is-sura jkomplu jipprovdu l-enerġija neċessarja għall-kreattivi lokali tagħna biex ikomplu jimirħu fil-karriera tagħhom fis-settur kulturali.”

WH21, li qiegħda biswit il-grawnd tal-futbol tal-Hibs, se jservi bħala lok għal ħafna avvenimenti varji, fosthom spettakli ta’ mużika u konferenzi.


Għall-ewwel avveniment, 16-il att lokali se jkunu qegħdin jagħtu spettaklu għall-mistenni kunċert tal-Lovin Music Awards, li se jittella’ s-Sibt 19 ta’ Ottubru, u li jinkludi lil Ira Losco, No Bling Show, Red Electrick u The Travellers.


Is-CEO ta’ Lovin Malta Christian Peregin qal li, “huwa unur li qegħdin intellgħu l-ewwel avveniment ta’ din l-iskala f’dan il-post ġdid. Aħna naħsbu li dan huwa l-post perfett għaċ-ċelebrazzjoni tat-talent mużikali Malti, u aħna ħerqana li dan l-avveniment nagħmluh b’suċċess.”


Waslu aktar minn 12,000 nominazzjoni u daħlu 40,000 vot mill-pubbliku qabel l-ispettaklu. Ir-rebbieħa se jkunu determinati bil-vot tal-pubbliku.


Se jagħtu spettaklu wkoll; Michela, Owen Leuellen, Luke Chappell, Eddie Fresco, The New Victorians, Lapes, Fuzzhoneys, Kapitlu 13, Gaia Cauchi, Maxine u Kevin Paul.

L-avveniment se jibda fis-7:30pm, fejn il-parti fuq it-tapit l-aħmar se tkun ippreżentata mis-social media influencer u mudella Sarah Zerafa. L-ispettaklu tal-premji se jiġi ppreżentat minn Jonathan Cilia ta’ Lovin Malta, il-preżentatur ta’ Kaxxaturi Jon Mallia, u d-deejay Valentina Rossi.


Il-Lovin Music Awards għandhom l-appoġġ ta’ Festivals Malta, GO p.l.c., Cisk u l-Malta Public Transport. L-aħħar ftit biljetti għadhom disponibbli fuq www.showshappening.com.



bottom of page