top of page

IL-MINISTRU BONNICI JŻUR L-AĦĦAR PREPARAMENTI GĦALL-FESTIVAL MUŻIKA MUŻIKA

Updated: Jul 21, 2023

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 21 ta’ Marzu 2023) paġna numru 20.


Fi żjara fl-MFCC Ta’ Qali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici għall-provi tal-festival MUŻIKA MUŻIKA, huwa ltaqa’ mal-mużiċisti, kantanti u l-organizzaturi.


Dr Bonnici qal li: “Dan il-festival prestiġjuż għat-tielet sena se jiċċelebra l-kanzunetta Maltija u lsien twelidna permezz ta’ 20 kanzunetta oriġinali bil-Malti.”


Dr Bonnici żied jgħid li sena wara sena dan il-festival jibqa’ jkun ta’ suċċess. “Kemm hi ħaġa sabiħa li naraw dawn l-artisti u l-organizzaturi mimljin ħeġġa u entużjażmu, tassew għandna nħossuna kburin, bit-talent tagħna l-Maltin,” qal Dr Bonnici.


Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra saħaq kif ix-xogħol għal Mużika Mużika bħalissa għaddej fl-aqwa tiegħu. “It-tekniċi u l-artisti li qed iqattgħu sigħat twal fl-MFCC Ta’ Qali jagħmlu l-aħħar preparamenti u provi flimkien mal-Malta Philharmonic Orchestra,” qal is-Sur Zahra.


Min-naħa tagħha l-Kap Ezekuttiv Annabelle Stivala qalet li l-festival li issa qiegħed fit-tielet sena tiegħu, huwa pjattaforma ferm importanti li tiċċelebra l-artist Malti u l-mużika Maltija.


Is-Sinjura Stivala temmet tgħid: “Dan hu festival li huwa għal qalb ħafna Maltin li biex jittela’ hemm bżonn madwar 300 ruħ fosthom tekniċi, artisti, muziċisti, tim ta’ produzzjoni u oħrajn. Nawgura lill-parteċipanti kollha u nirringrazzja lil kull min b’xi mod jikkontribwixxi għas-suċċess ta’ dan il-festival”.


Mużika Mużika se jsir nhar il-Ħamis 23, il-Ġimgħa 24, u s-Sibt 25 ta’ Marzu fl-MFCC, Ta’ Qali. It-tliet serati tal-festival se jixxandru live wkoll fuq Television Malta.


Għal aktar informazzjoni żur mużikamużika.mt



bottom of page