top of page

Il-Ministru Bonnici b’laqgħa mal-Aġent Ministru tal-Kultura tal-Ukrajna




 

Fi Kyiv, fl-Ukrajna, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ltaqa’ mal-Aġent Ministru tal-Kultura u l-Politika tal-Informazzjoni tal-Ukrajna Rostyslav Karandieiev. Il-laqgħa ffukat fuq is-solidarjetà u appoġġ, fejn ġie enfasizzat l-impenn ta’ Malta li tkun ta’ spalla mal-Ukrajna quddiem l-aggressjoni militari li għaddejja minnha.

 

Il-Ministru Bonnici esprima gratitudni għall-merħba li ngħata u enfasizza d-dedikazzjoni bla waqfien ta’ Malta biex tkun ta’ appoġġ lill-Ukrajna f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida. Il-Ministru Bonnici enfasizza wkoll il-kontribuzzjonijiet ta’ Malta, li jvarjaw minn għajnuna umanitarja sa servizzi mediċi għas-suldati Ukreni, u afferma l-impenn tan-nazzjon li jkompli jkun solidali u ta’ sostenn lejn dan il-poplu.

 

Huwa qal li din is-solidarjetà tista’ tiġi espressa wkoll bis-saħħa tal-arti u l-kultura u ż-żewġ Ministri ddiskutew metodi ta’ kif tista’ ssir ħidma ffukata dwar il-ħarsien tas-settur kulturali f’dan il-pajjiż, mhux biss f’termini ta’ protezzjoni ta’ assi kulturali Ukreni iżda wkoll b’espressjoni ta’ sensittività għal dak li għaddejjin minnhom l-artisti u kreattivi Ukreni nfushom.

 

II-Ministru Bonnici assigura lill-Ukrajna l-appoġġ kontinwu ta’ Malta permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi. Waqt il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-impatt globali tal-aggressjoni tar-Russja, partikolarment fil-kuntest tas-sigurtà tal-ikel.

 

Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għat-tielet laqgħa tal-Konsulenti tas-Sigurtà Nazzjonali li saret f’Malta, fejn ipparteċipaw 66 delegazzjoni. Il-laqgħa affermat mill-ġdid l-appoġġ għall-Pjan ta’ Paċi tal-President Volodymyr Zelensky u rat il-ħolqien ta’ koalizzjoni internazzjonali biex tiffaċilita r-ritorn tat-tfal Ukreni. Huwa fakkar kif id-dikjarazzjoni konġunta, adottata minn Malta u l-Ukrajna, enfasizzat l-impenn għall-paċi bbażat fuq il-prinċipji tal-UN Charter, ir-rispett għas-sovranità tal-Ukrajna, u l-integrità territorjali.

 

Il-Ministru Bonnici esprima l-konvinzjoni soda ta’ Malta li l-Ukrajna tagħmel parti mill-familja Ewropea u sostna li l-kultura Ukrajna hija l-kultura tal-Ewropa. Saħaq li Malta tinsab lesta li tkompli tappoġġja lill-Ukrajna fil-vjaġġ tagħha lejn it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fil-futur.

 

Matul iż-żjara tiegħu f’Kyiv, il-Ministru Bonnici kellu wkoll laqgħa mas-Sindku ta’ Kyiv Vitaliy Klychko u uffiċjali oħra tal-Gvern Ukren.




 

 




bottom of page