top of page

IL-MALTA COMIC CON LURA F’PAJJIŻNA WARA SENTEJN

Artisti Maltin juru t-talenti tagħhom f’fora Ewropea u anke internazzjonali


Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 5 ta’ Lulju 2022) paġna numru 9.




Il-Malta Comic Con, avveniment li jiċċelebra l-kultura pop, reġa’ lura f’pajjiżna wara nuqqas ta’ sentejn. Dan l-avveniment, li tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, se jittella’ bejn id-29 u t-30 ta’ Ottubru li ġej, fl-MFCC f’Ta’ Qali.


Il-Ministru Bonnici f’kumment li ta lil L-ORIZZONT qal li l-qasam tal-annimazzjoni huwa sabiħ immens għax jipprovdi opportunità lill-artisti tagħna juru t-talenti tagħhom f’fora Ewropea u anke internazzjonali. “Kienu bosta l-Maltin li rrnexxielhom ikollhom l-annimazzjonijiet tagħhom - il-cartoons u d-disinji tagħhom ippubblikati f’mezzi barranin. Barra minn Malta, il-konvenzjonijiet tal-comics, tad-disinn, tal-anime u l-manga huma popolari ħafna u Malta ma għandhiex tkun eċċezzjoni. Għalhekk aħna dejjem tajna s-sostenn lil Wicked Comics biex ittella’ din l-attività kull sena f’Malta. B’hekk it-talenti lokali u barranin ikunu jistgħu jingħaqdu u jiċċelebraw dan il-ġeneru ta’ arti popolari ħafna b’mod speċjali mal-ġenerazzjonijiet li telgħin,” spjega l-Ministru Bonnici.


Il-Malta Comic Con, li kompla jikber matul l-aħħar snin, din is-sena se jkollu diversi avvenimenti fosthom tal-gaming, workshops, taħditiet u diskussjonijiet, prodotti għall-bejgħ u kompetizzjonijiet tal-cosplay. Il-qofol jintlaħaq permezz tal-‘Artist Zone’ fejn se jkunu esebiti bosta talenti, kemm lokali, kif ukoll barranin.


Id-Direttur tal-Istrateġija u l-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, saħqet li, “il-Kunsill Malti għall-Arti jagħti appoġġ lill-organizzazzjonijiet kreattivi u kulturali, bħall-Malta Comic Con li tipprovdi pjattaforma għall-komiks li kulma jmur aktar qiegħda tikseb popolarità f’pajjiżna. Dan l-appoġġ iwassal biex inrawmu l-potenzjal kreattiv b’mod sostenibbli u professjonali filwaqt li ninvestu fl-eċċellenza artistika u nipprovdu aktar opportunitajiet għan-nies biex ikomplu jkabbru l-kreattività tagħhom”.

Il-biljetti għall-Comic Con se jkunu jistgħu jinxtraw minn nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju fuq https://www.maltacomiccon.com. Għal aktar informazzjoni, tistgħu tikkuntattjaw lil Wicked Comics permezz ta’ imejl fuq info@ maltacomiccon.com






bottom of page