Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ġewwa Eden Cinemas, ġie mħabbar li l-Malta Comic Con, avveniment li jiċċelebra l-kultura pop, reġa’ lura f’pajjiżna wara nuqqas ta’ sentejn. Dan l-avveniment ser jitella’ bejn id-29 u t-30 ta’ Ottubru li ġej, fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici sostna li l-Malta Comic Con kompliet tikber matul l-aħħar snin. Huwa spjega li din is-sena, il-viżitaturi għandhom jistennew diversi avvenimenti tal-gaming, workshops, taħditiet u diskussjonijiet, prodotti għall-bejgħ, kompetizzjonijiet tal-cosplay, fost oħrajn, bil-qofol jintlaħaq permezz tal-‘Artist Zone’ fejn se jkunu esebiti bosta talenti, kemm lokali u barrani.
Id-Direttur tal-Istrateġija u l-Fondi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi saħqet li, “Il-Kunsill Malti għall-Arti jagħti appoġġ lill-organizzazzjonijiet kreattivi u kulturali, bħall-Malta Comic Con li tipprovdi pjattaforma għall-komiks u li kull ma jmur aktar qed tikseb popolarità f’pajjiżna. Dan l-appoġġ iwassal sabiex inrawmu l-potenzjal kreattiv b’mod sostenibbli u professjonali, filwaqt li ninvestu fl-eċċellenza artistika u nipprovdu aktar opportunitajiet għan-nies biex ikomplu jkabbru l-kreattività tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Wicked Comics Fabio Agius sostna li “Wicked Comics tinsab kburija bix-xogħol li twettaq sabiex toħloq komunità tal-komiks vibranti u li dejjem tikber f’Malta. Sa mill-bidu tagħha, Wicked Comics tat l-opportunita lil diversi artisti u dilettanti tal-komiks lokali sabiex jitgħallmu aktar dwar din il-kultura popolari, kif ukoll provdejna pjattaformi xierqa għall-artisti lokali sabiex jgħollu l-livell u juru l-ħiliet tagħhom.”
Imwaqqfa fl-2005, Wicked Comics hija organizzazzjoni mhux governattiva reġistrata li tippromwovi l-kultura komika madwar id-dinja.
Il-biljetti għal Comic Con se jkunu disponibbli minn nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Lulju fuq https://www.maltacomiccon.com . Għal aktar informazzjoni, tista’ tikkuntattja lil Wicked Comics permezz ta’ email fuq info@maltacomiccon.com
Comments