l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iħabbar li wara negozjati separati mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti u l-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri ta' Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum Privati, intlaħaq qbil li bis-saħħa tiegħu se jiġu sostnuti total ta' 2,200 impjieg fis-settur tal-edukazzjoni privata formali u informali.
Bis-saħħa ta' dan il-ftehim, l-edukaturi u l-ħaddiema kollħa li jaħdmu fl-iskejjel privati se jkollhom l-impjieg tagħhom sostnut u mhumiex f'riskju li jitilfu xogħolhom. B'kollox mal-iskejjel privati hemm jaħdmu 'l fuq minn 900 impjegat full-time u 'l fuq minn 180 impjegat part-time. Fl-istess waqt, bis-saħħa tal-ftehim, ebda student jew studenta minn dawn l-iskejjel mhuma se jitilfu posthom mill-iskola.
L-edukaturi li jaħdmu fl-iskejjel privati se jkomplu jagħtu t-tagħlim online, bħalma qed jiġri fl-iskejjel tal-gvern u tal-knisja.
Fejn jidħlu l-miżati li jitħallsu mill-ġenituri lill-iskejjel privati, l-gvern jagħmilha ċara li dan huwa arranġament privat bejn persuni privati u skejjel privati, u allura jekk tinħass il-ħtiega minn xi waħda mill-partijiet li jsiru xi reviżjonijiet, dan irid isir b'effett ta' taħdidiet u qbil bejniethom. Madanakollu, fid-dawl tal-arranġament li ntlaħaq bejn il-gvern u l-iskejjel privati, il-miżati kollha li jitħallsu mill-ġenituri lill-iskejjel privati se jinżlu b'minimu ta' ħamsa u tletin fil-mija waqt li t-tagħlim jibqa' għaddej online.
Kull persuna privata hija libera li tidħol f'taħdidiet ulterjuri mal-iskejjel privati jekk ikun hemm il-ħtieġa.
Bl-istess mod, negozjati mal-Assoċjazzjoni taċ-Ċentri ta' Ħarsien tat-Tfal Matul il-Jum Privati wasslu biex il-ħaddiema kollha li jaħdmu f'childcare centres privati li huma fl-iskema taċ-childcare b'xejn, se jkollhom l-impjieg tagħhom sostnut. B'kollox hemm ‘l fuq minn 778 impjegat full-time u 269 impjegat part-time f'dawn iċ-ċentri.
Il-gvern iħeġġeġ liċ-ċentri ta' ħarsien tat-tfal matul il-jum biex jibqgħu jipprovdu servizzi u attivitajiet online u jżommu komunikazzjoni mal-ġenituri tat-tfal klijenti tagħhom, kif qed isir fiċ-ċentri amministrati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi. B'dan il-mod, il-pajjiż se jkollu wkoll assigurazzjoni li l-iskema taċ-childcare b'xejn tidħol lura fl-operat normali tagħha b'mod immedjat, hekk kif tgħaddi l-kwistjoni tal-imxija tal-COVID-19, għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol u l-ekonomija ta' pajjiżna.
Comments