top of page

’Il fuq minn 8,000 ruħ jattendu għall-Open Day fid-Domvs Romana, fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat u fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina


 



 

Tliet siti ta’ Heritage Malta kienu miftuħin b’xejn għall-pubbliku illum il-Ħadd, 7 ta’ April 2024 f’Open Day li rat konkorrenza sabiħa ħafna mill-familji Maltin u Għawdxin.

 

Fil-fatt kienu ’l fuq minn 8,000 ruħ li attendew għall-Open Day ta’ attivitajiet fid-Domvs Romana u fil-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, kif ukoll fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina.

 

Attenda wkoll għal din l-Open Day il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li ltaqa' ma’ diversi familji li kkonkorrew għal dawn l-avvenimenti.

 

Fit-tliet siti, ittella’ programm ta’ attivitajiet tul il-ġurnata kollha. L-attivitajiet inkludew logħob u tagħlim għat-tfal, it-tnedija ta’ kotba ġodda ta’ Heritage Malta, dawriet gwidati għall-adulti u għat-tfal, kif ukoll unplugged performances mill-artisti lokali Kantera, Ozzy Lino, Lisa Gauci u Chris Goa.

 

Id-Domvs Romana toffri ħarsa unika lejn il-ħajja ta’ kuljum tal-aristokrazija Rumana tal-qedem, f’aspetti bħad-dinamika familjari, il-moda, l-edukazzjoni, id-divertiment, u l-ikel.

 

Dan is-sit impressjonanti bħalissa qed jilqa’ fih il-Proġett Melite Civitas Romana, fejn saru skavi li se jissoktaw f’Ġunju u li għandhom l-għan li jixħtu aktar dawl fuq l-imgħoddi Ruman ta’ Malta.

 

Ftit ’il bogħod, il-passaġġi u l-oqbra tal-Katakombi ta’ San Pawl jdaħħlu lill-viżitatur f’dinja oħra taħt l-art. Dan is-sit affaxxinanti jifforma parti mill-akbar sit ta’ dfin lil hinn mill-belt antika ta’ Melite u kien jintuża mill-Perjodu Puniku sa Żmien il-Biżantini.

 

Fih taħlita ta’ kulturi u reliġjonijiet, bi dfin Pagan, Lhudi u Nisrani f’ċimiterju wieħed. It-tfal li żaru dan is-sit ingħataw rigal żgħir bħala tifkira.

 

Fil-Palazz Vilhena, li jmur lura sas-seklu 18 u li jilqa' fih il-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, s-sena li għaddiet iċċelebra l-50 anniversarju tiegħu. Kif jixhed ismu, dan il-mużew jieħu lil min iżuru għal vjaġġ fin-natura, permezz ta’ kollezzjonijiet estensivi ta’ għasafar, fossili, għadam, insetti, u bosta ħlejjaq oħra.

 


 

bottom of page