top of page

Il-Festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.




 

Dan ir-rikonoxximent ingħata bl-approvazzjoni tat-18-il Sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv għall-Ħarsien tal-Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità li qed isir fil-Botswana. Il-festa Maltija kienet rikonoxxuta għall-valuri komunitarji li tippromwovi, il-promozzjoni tal-arti u l-inklussività.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici radd ħajr lill-Għaqda Każini tal-Banda għas-sehem tagħha biex ingħata dan ir-rikonoxximent importanti, kif ukoll lid-Direttorat tal-Kultura, partikolarment l-Uffiċċju għall-Wirt Intanġibbli, lill-Professur Baldacchino, lill-Kurja Arċiveskovili, u lil dawk li taw is-sehem siewi tagħhom biex dan seta’ jseħħ.

 

“Dan huwa t-tielet element li ġie reġistrat għal Malta, wara l-ftira u l-għana. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jħares u jippromwovi l-festa Maltija bħala ċelebrazzjoni komunitarja, li tippromwovi l-valuri artistiċi, l-inklużjoni u l-komunità," saħaq il-Ministru Bonnici.

 

L-applikazzjoni tal-Festa Maltija kienet ippreżentata mill-Għaqda Każini tal-Banda u sabet l-appoġġ sħiħ tal-Kurja Maltija u l-komunitajiet  tal-festi Maltin. L-applikazzjoni daħlet għand il-UNESCO fis-sena 2021, u l-proċess kien kontinwament mgħejjun mill-Uffiċċju għall-Wirt Intanġibbli fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura u l-espert inkarigat, Jean Paul Baldacchino, li huwa professur tal-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta.

 

F’Novembru, il-Kumitat Tekniku, li jeżamina kull applikazzjoni li tidħol għar-rikonoxximent tal-UNESCO bħala wirt intanġibbli, irrakkomanda li l-festa Maltija tkun miżjuda mal-Lista ta’ Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità. 

 

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kumitat Tekniku faħħar il-mod eżemplari li bih kienet ippreżentata l-applikazzjoni, kif ukoll il-produzzjoni awdjo-viżiva li saret biex takkumpanja din l-applikazzjoni, liema produzzjoni kienet magħżula bħala waħda mill-best practices fejn jidħlu l-applikazzjonijiet.

 

Kien imfaħħar ukoll is-sehem tal-Gvern Malti biex isostni lill-komunità lokali fl-applikazzjoni tagħha.

 


bottom of page