top of page

Iffirmat ftehim bejn il-Kunsill Lokali taż-Żejtun u l-AACC


Ġie ffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun fejn vann li kien għad-dispożizzjoni tal-kunsill issa ser jibda jifforma parti mis-servizz tas-Silver T.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici  u l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela kienu preżenti għall-iffirmar tal-ftehim u spjegaw kif l-AACC se tuża dan il-vann għal-erba’ snin li ġejjin biex jingħata servizz ta’ trasport, magħruf bħala Silver T, skont il-bżonnijiet tal-anzjani li joqgħodu Marsaskala, ż-Żejtun, Marsaxlokk, Birżebbuġa u Ħal Għaxaq, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom.

 

Min-naħa tiegħu il-Ministru Bonnici qal li b'dan il-mod se tiżdied l-għajnuna għall-anzjani f’dawn il-lokalitajiet. “Permezz ta’ proġetti jew inizjattivi bħal dawn inkunu tassew qed niffaċilitaw il-ħajja tal-anzjani tagħna, u l-Kunsilli Lokali jibqgħu jaqdu il-funzjonijiet ewlenin dik tal-promozzjoni ta’ komunitajiet aktar b’saħħithom,” stqarr il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jo Etienne Abela qal li permezz ta’ dan il-ftehim ser ikomplu jiġu mgħejuna numru ta’ anzjani li jgħixu fil-komunità. “Din l-inizjattiva tkompli mal-viżjoni tal-Gvern li jkompli jtejjeb u jiffaċilita l-kwalità tal-ħajja għall-anzjani li għadhom jagħmlu parti mill-komunità. Din il-kollaborazzjoni hi pass ieħor importanti ta’ ħidma favur l-anzjani,” temm jgħid il-Ministru Abela.

 

Is-servizz tas-Silver-T jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ wara nofsinhar u jipprovdi faċilità ta’ trasport lil dawk il-persuni anzjani li jixtiequ jmorru ċ-Ċentri tas-Saħħa, ċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, il-Kunsill Lokali, il-bank, is-suq lokali, u diversi postijiet oħra.

 

Is-Silver T s’issa għandu flotta ta’ 14-il vettura, li minnhom 6 vetturi huma elettriċi. Sal-aħħar ta’ Novembru s-servizz tas-Silver T ġie pprovdut lil madwar 720 benefiċjarju u n-numru ta’ vjaġġi qiegħed dejjem jiżdied. Minn kważi 1,300 vjaġġ li saru matul ix-xahar ta’ Jannar ta’ din is-sena, in-numru ta’ vjaġġi tela’ għal iktar minn 4,200 matul ix-xahar ta’ Novembru. Sa Novembru ta’ din is-sena kienu saru kważi 28,000 vjaġġ.

 

Dan il-vann kien inxtara fl-2021 permezz tal-kampanja Safe and Healthy with Sustainable Mobility fejn għaliha l-kunsill lokali taż-Żejtun kienu kkwalifikaw fit-tielet post u ngħataw il-grant ta’ €25,000 minn Transport Malta li permezz tagħhom inxtara dan il-vann elettriku.

 

 


Comments


bottom of page