top of page

Iffirmar ta’ MOU bejn l-MCAST u SCSA


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon ippresedew għall-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) u l-Awtorità għall-Istandards tal-Kura Soċjali (SCSA), li bis-saħħa tiegħu tittejjeb il-kwalità u l-istandards fis-servizzi tal-protezzjoni soċjali sabiex tipproteġi u ttejjeb id-dinjità, is-sigurtà u l-ħarsien soċjali ta’ kull min juża s-servizzi.

Wara l-iffirmar, il-Ministru Owen Bonnici qal li, “Grazzi għal dan l-MOU, qegħdin niċċelebraw l-għażla vasta ta’ korsijiet offruti mill-MCAST. Aħna dejjem inħarsu lejn il-ħtiġijiet attwali u futuri fis-settur tal-impjiegi u naraw li l-korsijiet offruti lill-istudenti tagħna jaqblu ma' dawn il-ħtiġijiet. Minbarra li nagħtu l-opportunità biex wieħed jistudja f’oqsma differenti, bħal dan il-każ, rajna wkoll li l-istudenti tagħna jiksbu esperjenzi hands-on siewja li jkunu relatati mal-istudji tagħhom. Dawn l-apprentistati se jkunu qed isiru fi tliet Direttorati tal-Awtorità għall-Istandards tal-Kura Soċjali. Il-Ministeru tagħna dejjem kien kommess li jiżviluppa u jtejjeb il-kurrikulu skont il-bżonnijiet tal-pajjiż u tal-istudenti tagħna, kif qed nagħmlu llum."

Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon faħħar din il-koperazzjoni bejn dawn iż-żewġ ministeri, u stqarr il-bżonn li aktar studenti jsegwu korsijiet soċjali bħal dawn, għax is-soċjetà jeħtieġ li jkollha aktar professjonisti, speċjalment fil-qasam tal-ħarsien soċjali. Il-Ministru Michael Falzon qal li b’dan il-mod se nkomplu nsaħħu l-futur tal-ħarsien soċjali, kif ukoll dak tal-professjonisti illi jaħdmu fih. Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali kontinwament jinvesti f’taħriġ u korsijiet ġodda sabiex aktar ħaddiema soċjali jingħaqdu mal-Aġenziji u għaqdiet soċjali rispettivi.  

Il-Prinċipal u CEO tal-MCAST Prof Joachim James Calleja qal, “Mill-2018, l-MCAST iffirma aktar minn 25 ftehim. Il-Kulleġġ kompla jespandi n-network ta' kuntatti mal-industrija lokali u internazzjonali. Dan il-ftehim, b'mod partikolari, huwa importanti għalina, hekk kif l-Istitut għas-Servizzi Komunitarji (ICS) fl-MCAST ilu jaħdem mill-qrib mal-SCSA sa’ mill-bidu li fetħet din l-Awtorità. Is-sena l-oħra organizzajna seminar għall-istudenti tal-ICS fil-livell 4 u fil-livell 6, li wassal għal diskussjoni importanti dwar l-istandards attwali fi ħdan is-settur tal-kura soċjali. L-importanza tat-tagħlim fuq l-post tax-xogħol hija preżenti fil-korsijiet kollha tal-MCAST. L-istudenti qed jagħżlu l-MCAST bħala l-ewwel għażla tagħhom preċiżament għax qed ifittxu esperjenza ta' tagħlim prattiku u relevanti għad-dinja tax-xogħol.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali Matthew Vella sostna li l-ħidma flimkien mal-MCAST f’dawn l-aħħar xhur uriet kemm, fi ħdan l-Awtorità, l-istudenti jkunu tassew qed jieħdu esperjenza ta’ xogħol fil-prattika. Permezz ta’ dan il-ftehim, l-istudenti tal-MCAST ser ikunu qed jaħdmu fuq proġetti ta’ importanza, speċjalment fil-qasam tal-blockchain. Permezz ta’ dan il-proġett, ser tkun qed ssir qalba diġitali fil-proċess tal-adozzjoni. Dan apparti proġetti diġitali oħra li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali qed twettaq sabiex tkompli twassal ’l quddiem servizz ta’ kwalità.

L-MOU huwa bbażat fuq objettivi li jiffukaw fuq ir-relazzjoni bejn l-edukazzjoni u s-settur tal-assistenza soċjali. Dawn it-tliet objettivi huma;

-  L-iżvilupp u t-titjib tal-kurrikula marbuta mal-provvediment u r-regolamentazzjoni tal-benesseri soċjali sabiex tingħata direttament l-attenzjoni dovuta lill-professjonisti tal-futur li jkunu qegħdin jaħdmu fil-qasam;

-  Li tiġi indotta l-evoluzzjoni tal-korsijiet li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali u futuri fis-settur tal-benesseri soċjali kif indikat fix-xejriet li qed jiġu innotati;

-  Li tiġi provduta l-opportunità lill-istudenti li bħalissa qed isegwu korsijiet relatati biex jiksbu esperjenzi prattiċi siewja fil-qasam tal-istudju tagħhom billi jipparteċipaw f'apprentistati fit-tliet Direttorati tal-SCSA; id-Direttorat tal-Operazzjonijiet, id-Direttorat għall-Istrateġija u l-Intelliġenza Soċjali, u d-Direttorat għall-Governanza u Assigurazzjoni.

Dawn l-għanijiet ikomplu jsaħħu l-futur tas-settur tal-assistenza soċjali u l-professjonisti li jaħdmu fih.




bottom of page