top of page

Id-Direttorat tar-Restawr se jirrestawra n-niċċa tar-Redentur f’Marsaxlokk



Id-Direttorat tar-Restawr li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jkun qiegħed jirrestawra n-niċċa tar-Redentur li tinsab fid-daħla ta’ Marsaxlokk.


“Permezz ta’ interventi ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu nissodisfaw l-istrateġija tagħna li nippromwovu l-wirt u l-kultura lokali. Din in-niċċa għandha preżenza importanti fid-daħla ta’ Marsaxlokk u hija monument magħruf sew man-nies tal-lokal u l-madwar. Huwa d-dmir tagħna li nippreservaw dan il-legat, permezz ta’ restawr u interventi bil-għaqal, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-prodott kulturali lokali tagħna,” stqarr il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt iż-żjara tiegħu.


L-interventi ta’ restawr fuq in-niċċa se jinkludu tindif bil-galbu tal-wiċċ tal-ġebla minn depożiti superfiċjali varji li akkumulaw mas-snin u t-tneħħija ta’ cables u wirtes li għad m’għandhomx użu. Id-Direttorat tar-Restawr se jkun qiegħed jikkordina mal-Kunsill Lokali biex jiżgura li l-floodlight li hemm bħalissa tiġi mibdula għal waħda li għandha dawl aktar adegwat.


Minħabba li huwa evidenti li minn mindu saret in-niċċa, jew għallinqas għall-maġġoranza taż-żmien li ilha hemm, in-niċċa dejjem kienet mogħtija l-kulur, qiegħed jiġi propost li n-niċċa terġa’ tingħata l-kulur waqt ix-xogħlijiet ta’ restawr. Il-fili miftuħa se jiġu mkaħħla u tintuża żebgħa bbażata fuq il-ġir, bi preferenza fuq żebgħa taż-żejt jew plastik, minħabba li tal-ewwel huwa aktar kompatibbli mal-ġebla lokali u tikkumplimenta aktar in-natura storika tan-niċċa.

Madankollu, hemm bżonn li jkun hemm aktar investigazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-iskema tal-kuluri ta’ din il-parti, minħabba li huwa evidenti li l-ogħla saffi taż-żebgħa qegħdin jgħattu l-kulur aktar antik li kien hemm qabel. Dawn l-investigazzjonijiet se jsiru waqt li jkun għaddej ix-xogħol tar-restawr.


L-apertura tal-aluminju/ħġieġ fuq il-faċċata prinċipali tan-niċċa se tinbidel għal waħda ekwivalenti tal-injam/ħġieġ fejn it-tieqa tal-aluminju u l-bieb tal-metall preżenti fil-parti tal-ġenb se jinżebgħu biex jidhru inqas.


Il-plakka tal-irħam preżenti se titnaddaf, tiġi rrestawrata l-kitba, u mbagħad il-plakka se tiġi polished.


In-niċċa, li hi ddedikata għar-Redentur, inbniet fis-seklu dsatax. Żewġ dati juru dan: is-sena 1883 hija mniżżla fuq wara tal-pedament tan-niċċa, filwaqt li s-sena 1884 hija msemmija fuq il-plakka tal-irħam li tikkommemora l-għotja tal-indulġenza plenaria, li tinsab fuq il-faċċata tan-niċċa. Jingħad li l-istatwa li kien hemm qabel fin-niċċa oriġinarjament kienet tal-knisja parrokjali taż-Żejtun, li mbagħad ingħatat bħala donazzjoni lir-raħal ta’ Marsaxlokk.

bottom of page