top of page

Ħames professjonisti jingħataw warrant ta’ konservatur-restawratur





F’ċerimonja uffiċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta l-warrant lil ħames professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali.

Dan il-warrant qiegħed jinħareġ għar-raba’ darba mill-Bord tal-Warrants tar-Restawraturi-Konservaturi, li jfisser li sal-lum ingħataw il-warrant total ta’ 55 konservatur-restawratur, u għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi u dan anke kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.

Il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dan il-warrant, mogħti mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti.

Waqt li indirizza lill-konservaturi u lir-restawraturi fil-preżenza tal-Bord tal-Warrants tar-Restawraturi-Konservaturi, il-Ministru Bonnici saħaq li peress illi x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal, galbu, u etika, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li biex wieħed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol jeħtieġ li jkollu Warrant maħruġ skond id-disposizzjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien, partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-kumplament tal-bord li kien strumentali biex illum qed nirrikonoxxu dawn il-professjonisti billi jingħataw warrant ta’ konservatur-restawratur.






bottom of page