top of page

“Għandha tingħata prijorità lill-karrieri tar-riċerkaturi tagħna” – il-Ministru Owen Bonnici


Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara l-Covid-19 Owen Bonnici saħaq li l-qafas ta’ politika wiesgħa inklussiva u mġedda għaż-Żona Ewropea ta’ Riċerka għall-karrieri tar-riċerkaturi tagħna għandha tħares lejn iż-żieda fl-għarfien tal-ħiliet u l-kompetenzi, itejjeb l-iskambji bejn l-industrija u l-akkademja, issaħħaħ is-servizzi ta’ sostenn, u zżid il-possibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ.

“Għalina, l-inizjattivi futuri tal-Unjoni Ewropea dwar karrieri fir-riċerka għandhom ikunu kkordinati u mfassla id f’id mal-istati membri, bi ħsieb dwar l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali u bil-għan li tiġi evitata l-frammentazzjoni”, qal il-Ministru Bonnici.

Huwa u jitkellem waqt Kunsill Informali tal-Ministri tar-Riċerka tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Bonnici qal li Malta tappoġġja bis-sħiħ id-dibattitu dwar il-karrieri fir-riċerka madwar l-Ewropa.

“L-Istrateġija Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li wasslet sal-2020 identifikat, bħala waħda mill-prijoritajiet il-ħtieġa ta’ investiment fir-riċerkaturi kif ukoll il-punt li tindirizza b’mod effettiv opportunitajiet u karrieri għar-riċerkaturi”, qal il-Ministru Bonnici.

Spjega wkoll li wara s-sena 2020, din baqgħet prijorità għal pajjiżna. “Għalhekk, it-twaqqif għall-ewwel darba tal-Ministeru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19 f’pajjiżna huwa pass li sar bi ħsieb u b’viżjoni mill-gvern preżenti”, qal il-Ministru Bonnici.

“Ninsabu konxji sewwa mill-importanza li nrawmu politika li tappoġġja l-mobbiltà u l-progressjoni tal-karriera fir-riċerka”, sostna l-Ministru Bonnici.

Huwa qal li Malta teħtieġ toħloq opportunitajiet li jippermettu lir-riċerkaturi jkunu aktar mobbli, u b’hekk jibqgħu f’art twelidhom. “Dan iktar u iktar fid-dawl tal-isfidi ta’ dik li tissejjaħ ‘brain drain’ meta persuni validi u li studjaw jitilqu minn pajjiżna biex ifittxu opportunità aħjar f’artijiet oħra u ċ-ċirkolazzjoni żbilanċjata tal-għarfien fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka”, sostna l-Ministru Bonnici.

Huwa qal li Malta tappoġġja l-proposta biex tissaħħaħ u tigi riveduta l-Karta (Charter) Ewropea għar-Riċerkaturi, il-Kodiċi tal-Kondotta u l-Pjattaforma EURAXESS.

“Ir-regoli u l-proċeduri kurrenti tal-Karta (Charter) u l-Kodiċi mhumiex żviluppati biżżejjed u għandha ssir evalwazzjoni tal-effettività u l-vijabilità taż-żewġ strumenti, li tanalizza u teżamina l-istat attwali tal-affarijiet, l-isfidi u d-diffikultajiet, il-pjattaformi nazzjonali tagħhom u r-rabtiet tagħhom, u l-aċċess għall-punt ta’ kuntatt ċentrali tal-EURAXESS”, temm jgħid il-Ministru Bonnici.

bottom of page