top of page

Għaddej xogħol ta’ restawr fil-Victoria Lines fil-Għargħur



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-Victoria Lines fil-Għargħur mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr. Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li qed iwettqu, partikolarment meta wieħed iqis in-natura partikolari tas-sit li qed jiġi restawrat.

Il-proġett, li ra l-bidu tiegħu fis-sena 2018, se jara r-restawr ta’ żewġ meded tal-Victoria Lines. Wara li tlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq medda ta’ madwar 60m tal-Victoria Lines tul il-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta (Tarġa Gap), minn Lulju 2019 id-Direttorat tar-Restawr ħa f’idejh ir-restawr tal-Victoria Lines li jaqgħu fil-konfini tal-Għargħur.

It-tul totali tal-Victoria Lines fil-Għargħur li qed jiġu restawrati huwa ftit inqas minn 1km u s’issa diġà tlesta r-restawr fuq aktar minn 800 metru.

Ix-xogħol manwali qed jitwettaq kollu kemm hu mill-ħaddiema fi ħdan id-Direttorat tar-Restawr u għalhekk l-ispiża ta’ €80,000 għal dan il-proġett ikopru l-ispejjeż tal-materjal. Il-proġett huwa skedat li jitlesta sal-aħħar tal-2024.

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li, “Il-Gvern huwa kommess li jinvesti biex isaħħaħ il-wirt patrimonjali Malti u impenjati sabiex il-wirt li ġej mill-passat inwassluh lil uliedna fil-futur.”

Min-naħa tagħha, il-Perit Ivana Farrugia tat aktar dettalji tax-xogħol li diġà sar u li għaddej bħalissa. Hija spjegat li ttella’ l-ġebel oriġinali li matul is-snin kien waqa’ biex jerġa jiġi inkorporat fl-infantry lines, filwaqt li ammont kbir ta’ metri ta’ ħajt kellhom jinħattu u jinbnew mill-ġdid biex jirriflettu t-tipoloġija tal-kostruzzjoni oriġinali. Hija spjegat ukoll li qed tinbena mill-ġdid medda tal-infantry lines li kienet nieqsa għalkollox.





bottom of page