top of page

Għaddej ġmielu xogħol ta’ restawr fuq il-Kappella ta’ San Klement, iż-Żejtun




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar il-proġett ta’ restawr li għaddej fuq il-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun. Ix-xogħol fuq dan il-proġett, li qed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, beda x-xahar li għadda u huwa mistenni jitlesta s-sena d-dieħla.


Dan huwa wieħed minn 12-il proġett li ġew magħżula s-sena li għaddiet bħala parti mill-Iskema għal Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Mit-tnedija ta’ din l-iskema, fl-2015, tlestew total ta’ 43 proġett f’diversi lokalitajiet.


Il-Ministru Owen Bonnici tenna li dawn il-proġetti ta’ restawr fi ħdan id-diversi komunitajiet huma milqugħa mir-residenti. Kompla jispjega li l-proġetti li tlestew matul is-snin bħala parti mill-iskema jvarjaw fin-natura u l-iskala - minn proġetti żgħar bħal slaleb jew statwi tradizzjonali sa oħrajn ta’ skala medja li jinvolvu bini storiku u monumenti li jmorru lura għal żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann.


Il-Perit Ivana Farrugia, responsabbli minn dan il-proġett, tkellmet fuq ir-restawr li qed isir fuq il-kappella fejn spjegat li qed isir tindif, konsolidazzjoni u irpuntar mill-ġdid tal-ħitan ta’ barra. Il-ġebel li saritlu ħsara estensiva ser jiġi mibdul u se jsir ir-restawr ta’ elementi mitlufa. Is-saqaf, li tilef l-istat oriġinali tiegħu, se jiġi restawrat ukoll. Hija kompliet tispjega li qed isir monitoraġġ sabiex jiġu mħarsa x-xquq preżenti.


Il-Kappella ta’ San Klement tinsab fiż-żona t’isfel taż-Żejtun, lokalment magħrufa bħala r-raħal t’isfel. Il-kappella nbniet fl-1658 minn Klement Tabone bħala gratitudni lil San Klement wara li salva ruħu mill-attakk tat-Torok fuq Malta fl-1614. Fuq il-ġebel taħt l-arma tal-familja Tabone fuq l-entratura prinċipali wieħed jista’ jsib imnaqqxa s-sena ta’ meta tpoġġiet l-ewwel ġebla.










bottom of page