top of page

Ġew iċċertifikati 4 professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali



 

F’ċerimonja uffiċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta Warrant ta’ Konservatur-Restawratur jew Ċertifikat ta’ Ħila tal-Patrimonju lil erba’ professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali.

 

Żewġ professjonisti ngħataw il-Warrant ta’ Konservatur-Restawratur filwaqt li żewġ professjonisti ngħataw Ċertifikat ta’ Ħila tal-Patrimonju.

 

Il-Warrant ta’ Konservatur-Restawratur inħareġ għall-ħames darba mill-Bord tal-Warrants tar-Restawraturi, liema Bord għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445. B’kollox sal-lum ingħataw il-Warrant total ta’ 57 Konservatur-Restawratur.

 

Għall-ewwel darba wkoll ingħata Ċertifikat ta’ Ħila tal-Patrimonju lill-ewwel żewġ kandidati li nstabu li huma kwalifikati biżżejjed sabiex jipprattikaw fil-qasam li għandhom tant esperjenza fih. Dan huwa pass importanti ’l quddiem sabiex ikompli jitkattar il-qasam tal-konservazzjoni u r-restawr.

 

Il-Ministru Bonnici spjega li bis-saħħa ta’ dan il-Warrant u Ċertifikat mogħti mill-Bord tal-Warrants tar-Restawraturi, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti.

 

Huwa saħaq li peress illi x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal u etika, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li biex wieħed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol jeħtieġ li jkollu Warrant maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

 

Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien, partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-membri tal-bord li kienu strumentali f’din il-ħidma importanti.



 



コメント


bottom of page