top of page

Ftehim ta’ koperazzjoni bejn l-MCAST u Teatru Malta

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru 2022) paġna numru 9.



Ftehim iffirmat bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija u Teatru Malta se jwassal għal benefiċċji li minnhom se jgawdu ż-żewġ naħat u se jkun ukoll bidu ta’ koperazzjoni li minnha se jgawdu l-istudenti tal-kulleġġ.


Il-ftehim ġie ffirmat mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Joachim Calleja, u Albert Marshall, Kap Eżekuttiv ta’ Arts Council Malta, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.


Permezz tal-ftehim, l-uffiċini ta’ Teatru Malta se jirrilokaw fil-kampus tal-MCAST, filwaqt li Teatru Malta se jipprovdi apprendistat lil studenti li qegħdin f’korsijiet marbuta mat-teatru, inklużi bini u disinn ta’ settijiet, make-up, xagħar u ħjata ta’ kostumi biex l-istudenti jkollhom esperjenza hands-on ta’ dak li jkunu qed jistudjaw. Teatru Malta se tgħin ukoll b’investiment għat-titjib u għat-tisbiħ tat-teatri tal-MCAST.


Il-kollezzjoni vasta ta’ kostumi teatrali ta’ Teatru Malta se tiġi rilokata wkoll fi spazji pprovduti mill-MCAST u dawn il-kostumi se jkunu aċċessibbli għall-istudenti u għall-edukaturi fil-kors tat-tagħlim teatrali u għall-produzzjonijiet imtellgħin mill-istudenti. Il-ftehim jara wkoll li l-esperjenza ta’ Teatru Malta twassal għal ħidma kollaborattiva mal-MCAST fi proġetti ġodda, u għajnuna lil din l-istituzzjoni edukattiva b’konsulenza fejn tidħol l-edukazzjoni u l-industrija marbuta mat-teatru.


Permezz tal-ftehim l-MCAST se tipprovdi spazji lil Teatru Malta, biex din l-entità tkun tista’ tagħmel il-provi tal-produzzjonijiet tagħha. L-MCAST se tipprovdi wkoll il-workshops tagħha biex ikunu jistgħu jinbnew is-settijiet teatrali, u l-istudenti li jkunu qed jistudjaw f’din il-linja se jkunu jistgħu jaħdmu fuqhom – li ssarraf f’esperjenza diretta ta’ esperjenza ta’ xogħol.


“Dan huwa ftehim li juri sinerġija bejn dawk kollha involuti, biex inkomplu nsaħħu l-qasam edukattiv f’kull settur ta’ tagħlim. Dan huwa ftehim ieħor li, apparti għajnuna lil entità kulturali, qed ipoġġi wkoll lill-istudent fiċ-ċentru tiegħu. Dan il-gvern dejjem emmen li l-apprentistati huma kruċjali biex intejbu l-ħiliet li għandna bżonn fil-pajjiż biex nirnexxu. Aħna se nkomplu noffru opportunitajiet liż-żgħażagħ kollha, filwaqt li nibqgħu naħdmu ma’ kull settur tal-industrija fuq il-ħiliet meħtieġa, kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur. Dan il-gvern jemmen bis-sħiħ li biex l-ekonomija tkompli tikber il-kumpaniji jridu jkomplu jinvestu fl-apprendistat biex ikollna impjegati futuri li jkunu kwalifikati u mħarrġa tajjeb”, sostna l-Ministru Clifton Grima.


Il-Ministru Owen Bonnici qal li s-settur teatrali huwa importanti għall-iżvilupp ta’ pajjiż sħiħ u għalhekk huwa importanti li l-gvern jagħti sehmu. “It-teatru għandu valur kbir ħafna għaliex huwa pjattaforma għall-artisti lokali sabiex juru t-talenti tagħhom u jikkontribwixxu fl-ifformular tal-ħsieb ta’ pajjiż sħiħ. Billi qed inżewqu t-teatru mal-edukazzjoni, għanda enerġija u ambizzjoni enormi għaliex nixtiequ li ntellgħu t-teatru skala oħra. M’għandix dubju li dan se jkun ta’ suċċess għaliex li nġibu flimkien is-settur kulturali ma` dak edukattiv huwa kruċjali,” qal il-Ministru Bonnici.


Min-naħa tiegħu, il-Professur James Calleja qal li, “Il-kreattività u l-ispirazzjoni huma fil-qalba tal-komunità tagħna ta’ artisti u innovaturi. Bħala kulleġġ tal-komunità dan huwa ftehim li permezz tiegħu l-MCAST jiftaħ il-post tiegħu għall-komunità tal-artisti u jagħti lill-istudenti opportunità li jirnexxu fil-karriera tagħhom. Il-kampus għandu jkun ċentru ta’ attività u kollaborazzjoni, laboratorju għall-ispirazzjoni. Il-viżjoni tagħna hija dik ta’ kollaborazzjoni multidixxiplinari mhux limitata għall-arti performattiva u li tinkludi oqsma bħad-disinn, il-manifattura, il-bini u l-inġinerija, u forom ta’ arti viżiva, il-fotografija u l-moda.”


Albert Marshall, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti stqarr li, ‘‘Fi spirtu qawwi ta’ kollaborazzjoni, dan il-ftehim għandu jservi biex Teatru Malta jibqa’ jevolvi fit-tiswir ta’ sede għall-kumpanija nazzjonali teatrali Maltija. B’riħet dan il-ftehim, dan l-evolviment se jseħħ f’sinerġija ma’ istituzzjoni edukattiva – twaħħid li jagħti status iżjed b’saħħtu lil dan il-proġett ta’ fejda”.


Sean Buhagiar, Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta qal, “Kuntent li permezz ta’ dan il-ftehim il-kumpanija nazzjonali tat-teatru se tkun tista’ topera aħjar, b’mod aktar organizzat’’.





bottom of page