top of page

F’Novembru jitlesta x-xogħol ta’ restawr fil-Berġa tal-Ingilterra fil-Birgu

Booklet Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 12 ta’ Ottubru 2022) paġna numru 6



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli ħabbru li x-xogħlijiet ta’ restawr li bdew fil-Berġa tal-Ingilterra f’Mejju li għadda mistennija jkunu ffinalizzati sal-aħħar ta’ Novembru li ġej. Dan ix-xogħol jifforma parti minn ħidma li saret mid-Direttorat tar-Restawr, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Kottonera u l-Kunsill Lokali tal-Birgu. “Dan ir-restawr ser jippermettilna li nkomplu nieħdu ħsieb l-istorja nazzjonali tagħna, wirt li jiddetermina l-identità tagħna bħala poplu,” stqarr il-Ministru Owen Bonnici.


“L-għan tagħna hu dejjem dak li nagħmlu l-wirt tagħna aktar aċċessibbli u nsaħħu l-komunitajiet lokali tagħna. Ir-restawr hu kruċjali biex nissodisfaw l-għanijiet tal-pjan kulturali tagħna,” tenna Dr Bonnici. Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Birgu u lill-Fondazzjoni Kottonera għad-dedikazzjoni tagħhom biex ikompli jiżdied l-valur tat-tlitt ibliet tal-Kottonera u jippreservaw il-wirt storiku tagħhom.


Il-Perit responsabbli mix-xogħlijiet, Timothy Portelli, spjega x-xogħol li kien jirrikjedi fid-dettall – dawn kienu jikkonsistu fir-restawr tal-ġebel u l-aperturi tal-faċċata tal-Berġa tal-Ingilterra. Ix-xogħlijiet ta’ restawr kienu jinkludu wkoll t-tindif, il-bdil tal-ġebel eżistenti u t-tneħħija ta’ meħries difettużi li nstabu, fejn ġew mibdula għal dawk b’materjal bbażat fuq il-ġir. Saret ukoll l-applikazzjoni ta’ proofing minflok il-kisi tas-siment li kien iddeterjorat.


Il-Berġa tal-Ingilterra kienet intużat mill-Kavallieri ta’ San Ġwann mal-wasla tagħhom f’Malta, fejn stabbilixxew il-Birgu u bnew seba’ berġa, waħda għal kull lingwa. Il-Berġa tal-Ingilterra hemm fiha dar qadima ta’ sular, li l-Kavallier Ingliż Sir Clement West kien xtara fl-1534. Is-Sur West ta l-binja lill-Ingliżi fl-1535; l-istess sena li fiha nbena l-ewwel sular tagħha. Intant kawża ta’ riforma Ingliża f’nofs is-seklu 16, il-lingwa Ingliża kienet ġiet imrażżna. Fil-fatt, il-Berġa tal-Ingliżi qatt ma reġgħet inbniet fil-Belt Valletta.


Il-bini kien ukoll inkluż fil-lista tal-antikitajiet tal-1925 u huwa skedat bħala bini ta’ Grad 1.


Illum il-ġurnata, din il-berġa qed sservi bħala ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Birgu.





Commentaires


bottom of page