top of page

Din is-sena se jitnieda l-ewwel park arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tlieta 28 ta’ Frar 2023) paġna numru 9




Din is-sena, se jitnieda l-ewwel park arkeoloġiku taħt il-baħar minn Heritage Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta. Il-park, li se jkun f’qiegħ il-baħar lil hinn mix-Xlendi u se jkollu kobor ta’ 67,000 metru kwardru, huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni eċċezzjonali bejn is-settur pubbliku u privat, il-kunsill lokali, u l-stakeholders.


Dan ġie diskuss waqt konferenza li ġġib l-isem ta’ Lungomare Mediterraneo/ Submerged organizzata mill-Ambaxxata tar-Repubblika tal-Kroazja b’kollaborazzjoni mar-Rappreżentanza tal-Kummisjoni Ewropea f’Malta fi l-Belt Valletta.


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, stqarr li l-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar mhuwiex biss dwar it-turiżmu, l-arkeoloġija, u l-akkademja.


Dr Bonnici spjega li fl-aħħar sentejn Heritage Malta flimkien mas- Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u bl-għajnuna ta’ partners oħra, daħlu għal proġett kbir sabiex is-sit jiġi analizzat u studjat bid-dettall u b’hekk imbagħad jiġi dikjarat bħala l-ewwel park arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar.


Il-Ministru Bonnici qal li mhux kulħadd jista’ jesplora l-wirt ta’ taħt il-baħar u għalhekk tnieda mużew online għall-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar. “Fuq underwatermalta. org wieħed jista’ jsib mużew virtwali attraenti u faċli, li jiġi aġġornat regolarment b’siti storiċi ġodda taħt l-ilma, biex jiżgura li l-mużew ikun segwit minn kulħadd,” qal Dr Bonnici waqt li sostna li bis-saħħa ta’ dan is-sit, il-viżitaturi jistgħu jesploraw 20 sit taħt l-ilma fi 3D mill-kumdità ta’ djarhom.


Qal ukoll kif is-sit għandu appell globali, b’għexieren ta’ eluf ta’ viżitaturi li jżuru kull sena biex jiskopru l-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar.


Hu qal li dan il-park arkeoloġiku f’qiegħ il-baħar se jsib ruħu wkoll f’din il-website b’mod virtwali. “Permezz ta’ dan il-mużew virtwali, iktar nies jistgħu japprezzaw is-siti uniċi tal-ibħra tagħna,” qal il-Ministru Bonnici.


Dr Bonnici saħaq li din hi aħbar tajba ħafna għalina l-Maltin, u sostna li l-Ministru se jkompli jaħdem bis-sħiħ favur l-istorja ta’ Malta.


Il-Prof. Timmy Gambin, min-naħa tiegħu, sostna li l-immaniġġjar tal-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar miexi ’l quddiem sew f’pajjiżna. Hu qal li grazzi għall- isforzi kollettivi ta’ Heritage Malta, l-Università ta’ Malta u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, Malta tinsab minn ta’ quddiem biex tagħmel aċċessibbli parti mill-istorja li inkella hija moħbija.


Heritage Malta nediet l-Underwater Cultural Heritage fl -2019, bil-missjoni li tipproteġi, tippromwovi, u tivvalorizza r-riżorsi uniċi tal-wirt kulturali taħt l-ilma ta’ Malta.



bottom of page