top of page

Ċelebrazzjonijiet tas-sena l-ġdida: Eluf jingħaqdu fil-Belt



 

Eluf ta’ nies ingħaqdu flimkien jiċċelebraw il-bidu tas-sena 2024 f’atmosfera mill-isbaħ, fil-belt kapitali ta’ pajjiżna l-Belt Valletta. Fil-fatt hu stmat li n-numru ta’ Maltin u turisti fil-Belt Valletta matul il-lejla li għaddiet qabeż il-50,000, numru li wera l-popolarità għal darb’oħra ta’ dan l-avveniment. Il-kunċert ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena, li ttella’ minn Pjazza San Ġorġ, bis-sehem ta’ numru kbir ta’ kantanti u mużiċisti Maltin li qed jagħmlu isem lill-pajjiżna, għalaq xahar sħiħ ta’ attivitajiet organizzati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mill-programm ‘Christmas in the Capital’.

 

Dan l-ikbar avveniment tas-sena jawgura tajjeb ħafna għall-inizjattivi ġodda li għandha mħejjija l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, fil-qalba tal-kapitali, matul ix-xhur li ġejjin. Il-lejla bdiet b’Lara and the Jukeboys band. Wara mbagħad ħadet ir-riedni f’idejha The Palace String Orchestra mmexxija minn Ryan Paul Abela flimkien ma’ line-up ta’ wħud mill-aqwa kantanti lokali li fosthom kien hemm AIDAN, Drakard, Klinsmann, Jasmine, Megan May, Sarah Bonnici kif ukoll Emma Muscat bħala mistiedna speċjali.

 

Eżatt qabel it-tokki ta’ nofsillejl imbagħad, il-preżentaturi flimkien ma’ Dj Koroma u Dj Miggy ferrħu lill-folla fil-Belt u lil dawk li kienu qed isegwu live fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, b’mużika mill-aqwa, b’effetti speċjali fuq il-palk u b’logħob tan-nar fejn ingħata bidu kif jixraq lis-sena 2024. Il-preżentaturi ta’ din is-serata kienu Ron, Taryn Mamo Cefai u Keane Cutajar. Iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena ġew organizzati minn G7 Events bi Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali bl-appoġġ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

 




Comentarios


bottom of page