top of page

Bosta attivitajiet għall-Jiem Ewropej tal-Arkeoloġija

Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 15 ta` Ġunju 2022) paġna numru 12.



Heritage Malta se tieħu sehem fil-Jiem Ewropej tal-Arkeoloġija permezz ta’ diversi attivitajiet eċitanti li se torganizza bejn is-17 u l-20 ta’ Ěunju. Il-Jiem Ewropej tal-Arkeoloġija jiġu ċċelebrati fl -istess perjodu mal-Ewropa kollha biex joħolqu kuxjenza u jgħinu lil udjenzi Ewropej isiru midħla tal-aspetti kollha tal-arkeoloġija. Infatti, dawn il-jiem se jkunu ċċelebrati f’46 pajjiż differenti.


L-ewwel attività li se ssir lokalment hija taħdita pubblika dwar l-arkeoloġija urbana u kollezzjoni ta’ platti fini li jmorru lura sas-sekli 17 u 18 u li kienu nstabu waqt li kienet qed titwaqqa’ l-Berġa ta’ Avernja (fejn illum hemm il-binja tal-qorti) fl -1965. Il-kollezzjoni llum tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.


It-taħdita se ssir nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Ġunju fi s-6.00 p.m., fl -istess mużew, u tkun bl-Ingliż. Il-kelliema fi t-taħdita huma Christian Mifsud u Nathaniel Cutajar, rispettivament kuratur ewlieni għar-riċerka u d-dokumentazzjoni ta’ binjiet storiċi u kuratur ewlieni għall-arkeoloġija Medjevali. Id-dħul ikun b’xejn u m’hemmx bżonn li wieħed jirriserva post minn qabel.


Is-Sibt 18 ta’ Ġunju, il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jifli id-Domvs Romana minn perspettiva differenti. Għalkemm din id-dar hija magħrufa bħala residenza għal nies ta’ klassi għolja, skavi li kienu saru fl -1920 kixfu l-fdalijiet ta’ djar żgħar ta’ żmien ir-Rumani fl -istess triq li jindikaw għajxien aktar umli u klassijiet soċjali oħra. Barra minn hekk, fl-1940 id-Domvs Romana serviet bħala dar temporanja għall-familja li telqet minn Ħal Tarxien u marret tgħix fi ha minħabba l-gwerra.


It-tour Domvs Romana: Djar Lil Hinn mid-Dar -Residenza u Dar jesplora l-funzjoni tad-Domvs Romana bħala akkomodazzjoni li ntużat minn nies differenti f’ċirkostanzi varji matul l-istorja. Dawk li jattendu se jkunu jistgħu jaraw ukoll l-iskavi li qed isiru fuq in-naħa ta’ wara tas-sit. Se jkun hemm tour bil-Malti fl -10 a.m. u ieħor bl-Ingliż fi n- 12.30 p.m. Il-biljetti għal dan l-avveniment ivarjaw; €20 għall-adulti, u €15 għat-tfal u l-membri.


Attività oħra se ssir fi l-Katakombi ta’ Bistra, li mhux soltu jkunu miftuħin għall-pubbliku. Infatti, is-Sibt 18 ta’ Ġunju, bejn is-7 p.m. u l-11 p.m., il-viżitaturi se jkunu jistgħu jesploraw dan is-sit li jinkludi fih l-akbar ġabra ta’ oqbra u katakombi aċċessibbli lil hinn mill-konfini tal-belt kapitali l-antika. Dawn il-katakombi jinsabu nofs triq bejn il-belt antika ta’ Melite u l-port li darba kien importanti tas-Salina. Dawn ġew irreġistrati għall-ewwel darba lejn l-aħħar tas-snin 1800 iżda ġew investigati biss fl -1933mill-Kaptan Charles Zammit, qabel ma parti mis-sit kienet mgħottija minn triq ġdida li twassal għal Burmarrad. Studji ulterjuri fl -2004, fl - 2013, u fl -2014, ġabu s-sit lura għall-ħajja b’skoperti ġodda u għalhekk, interpretazzjonijiet ġodda.


Dakinhar tal-attivita, se jkun jista’ jinxtara ikel u xorb mis-sit stess. Il-biljetti jinxtraw biss mill-bieb, b’dawn il-prezzijiet €3 għall-adulti, anzjani u student; it-tfal u l-membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn. Il-passaporti ta’ Heritage Malta għall-anzjani u l-istudenti ma jistgħux jintużaw għal din l-attività.


L-Imnajdra wkoll se tisbaħ b’attività, kmieni fl -għodwa tat-18 u tad-19 ta’ Ġunju. KorMalta u ŻfinMalta se jkantaw u jiżfnu għall-mużika tal-famuża ‘Sunrise Mass’ tal-kompożitur Norveġiż Ola Gjeilo, f’dan is-sit preistoriku li joffri sfond ideali għall-eżekuzzjoni ta’ din il-mużika li tqanqal b’biċċiet fosthom ‘The Spheres’, ‘Sunrise’, ‘The City’ u ‘Identity’. L-udjenza se tkun tista’ tosserva wkoll il-fenomenu tas-Solstizju tas-sajf b’mod tassew uniku. Il-biljetti għal dan l-avveniment huma limitati u jiswew €45 għall-adulti, tfal, anzjani u studenti, u €35 għall-membri ta’ Heritage Malta. L-ispettaklu jibda fis-6 a.m. u dawk li se jixtru l-biljetti għandhom jinġabru nofs siegħa qabel barra ċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim.

L-aħħar attivitajiet għall-Jiem Ewropej tal-Arkeoloġija ta’ din is-sena se jsiru fl -20 ta’ Ġunju biex jiċċelebraw is-Solstizju tas-sajf. Se jsiru żewġ żjarat gwidati fl -istess ħin - wieħed fl -Imnajdra u l-ieħor Ħaġar Qim - li matulhom il-viżitaturi se jitpaxxew bil-ġmiel tal-ewwel raġġi tax-xemx tielgħa jdawlu dawn is-siti, bħalma ilhom jagħmlu fi l-bidu tas-sajf għal eluf ta’ snin.


Il-biljetti għal kull tour jiswew €30 għall-adulti u €20 għall-membri ta’ Heritage Malta. Dawk li se jixtru l-biljetti għandhom jinġabru fi l-5.30 a.m. barra ċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim.


Il-biljetti għal dawn l-avvenimenti, ħlief dawk indikati qabel, jistgħu jinxtraw minn kwalunkwe mużew jew sit ta’ Heritage Malta, jew online minn shop.heritagemalta.org. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit rinovat ta’ Heritage Malta fuq www.heritagemalta.org jew iċempel fuq 23954300.


Din l-informazzjoni hija meħuda mis-sit tal-Heritage Malta.

bottom of page