top of page

“B’hekk is-snajja’ tagħna se jibqgħu jiġu żviluppati u salvagwardjati”

Kitba meħuda mill-Orizzont (Is -Sibt 24 ta’ Diċembru 2022) paġna numru 5.



Il-Ministru Owen Bonnici dwar l-inizjattiva tal-Heritage Skills


Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, din il-ġimgħa ħabbar il-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-Heritage Skills, li jinkludu l-ħiliet, l-abbiltajiet u l-kompetenzi meħtieġa għat-tlestija ta’ xogħol speċifiku fl-isfera tal-patrimonju kulturali. F’kumment li ta lil L-ORIZZONT fir-rigward huwa qal li, “bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva għall-ewwel darba se jkun hawn applikazzjonijiet b’rabta ma’ sengħa jew artiġġjanat patrimonjali, għarfien, użanza, arti, teknika u ħila. B’hekk dawn is-snajja’ se jibqgħu jiġu żviluppati u salvagwardjati”.


Il-Ministru Bonnici qal li l-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna huwa magħġun fina lkoll fejn żied jgħid li, “huwa parti minna, kif jixhdu tajjeb dawn il-ħiliet. Dawn il-ħiliet, huma dak li jagħmluna min aħna; dan huwa dak lijagħmilna Maltin. Heritage Skills huma parti intrinsika mill-viżjoni politika ambizzjuża li frixna quddiemna għas-snin li ġejjin”.


Il-Heritage Skills se jkunu opportunità mill-aqwa biex dawn is-snajja’ jibqgħu jingħataw l-importanza mistħoqqa, filwaqt li nħarsu ’l quddiem b’ħeġġa u fiduċja li jkunu qegħdin jgħinuna ħalli nkomplu nkennu l-patrimonju tagħna fil-lok għażiż li jixraqlu. “Il-ħiliet tal-patrimonju huma ta’ importanza kbira għax permezz tar-rikonoxximent ta’ dawn il-ħiliet se nkomplu nżommu s-snajja’ bħala parti integrali minn ħajjet pajjiżna u se nkomplu nagħtuhom l-importanza mistħoqqa,” temm il-Ministru Bonnici.


Min huwa interessat japplika għandu jidħol fis-sit elettroniku tal-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi: https://schmalta.mt/bord-tal-warrant-tar-restawraturi/ u jimla l-applikazzjoni biex ikun jista’ jibda l-proċess.


L-applikazzjonijiet għal Heritage Skills se jiġu aċċettati għall-oqsma fil-ġebla u derivanti tagħha; max-xogħol fl-injam; max-xogħol fit-tessuti; max-xogħol fil-karta; max-xogħol fil-metall. Wieħed għandu jippreżenta portafoll tax-xogħlijiet tiegħu (li jinkludi rapport dettaljat kif ukoll ritratti), kif ukoll jippreżenta kwalifiċi akkademiċi jew professjonali. Hemm ukoll skeda ta’ numru minimu ta’ snin ta’ esperjenza li wieħed irid ikun għamel jipprattika din il-ħila.



Bình luận


bottom of page