top of page

Aktar kollaborazzjoni fil-qasam tax-xjenza tal-wirt kulturali



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici indirizza numru ta’ entitajiet responsabbli mill-wirt patrimonjali Malti li jiffurmaw il-Malta National Node tal-E-RIHS.eu u li jappoġġjaw lill-Kumitat ta’ tmexxija tan-NARCH, waqt attività li saret fil-Mużew Marittimu ta’ Malta li matulha ġew ippreżentati aġġornamenti dwar ix-xogħol li sar sa issa, l-istat attwali, u t-triq ’il quddiem bħala pjanijiet għal inizzjattivi futuri.

 

L-E-RIHS.eu tikkonsisti fi sħubija bejn 13-il pajjiż membru fundatur, inkluża Malta, u tinvolvi aktar minn 100 istituzzjoni tax-xjenza tal-wirt patrimonjali mill-Ewropa kollha.

 

Il-Ministru Bonnici sostna li dan il-livell ta’ kollaborazzjoni bla preċedent fil-qasam tal-wirt kulturali hu importanti u qal li l-Gvern se jkompli joffri l-appoġġ meħtieġ biex jiġi assigurat li kollaborazzjoni bħal din issir dejjem iktar in-norma u mhux l-eċċezzjoni. 

 

Il-Ministru Bonnici nnota wkoll li Malta hija waħda mill-membri fundaturi tal-E-RHIS.eu. Dan juri mhux biss il-ħeġġa tal-entitajiet parteċipanti, iżda wkoll il-livell tajjeb ta’ kollaborazzjoni u l-istat eċċellenti ta’ tħejjija.

 

Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizjattivi li ttieħdu, partikolarment fejn jidħlu l-kontribuzzjonijiet tal-E-RIHS-Malta National Node għal numru ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar kwistjonijiet relatati mar-riċerka tal-wirt nazzjonali.

 

Il-Ministru Bonnici temm id-diskors tiegħu billi esprima gratitudni lill-entitajiet parteċipanti u ħeġġiġhom biex ikomplu jikkollaboraw fuq dawn il-proġetti. “B’hekk intejbu l-għarfien u l-kwalità tal-wirt nazzjonali fil-Gżejjer Maltin, filwaqt li jiġi ppreżentat bl-aħjar mod possibbli lill-poplu Malti u Għawdxi flimkien mal-viżitaturi barranin”, qal il-Ministru Bonnici. 

 

Il-Malta National Node tal-E-RIHS Malta tikkonsisti f’dawn l-entitajiet: il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali; is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali; Heritage Malta; id-Dipartiment tar-Restawr u l-preservazzjoni; l-Arkivji Nazzjonali; Malta Libraries; disa’ dipartimenti u fakultajiet fi ħdan l-Università ta’ Malta; il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Arċidjoċesi ta’ Malta. Din l-istruttura ta’ riċerka pan-Ewropea tappoġġja r-riċerka dwar ix-xjenza tal-wirt, li tinkludi l-interpretazzjoni, il-preservazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-ġestjoni tal-wirt, b’missjoni li tagħti aċċess lir-riċerkaturi tal-wirt għal għarfien espert, data, laboratorji, tagħmir u faċilitajiet ta’ livell għoli. L-għan huwa li faċilitajiet Ewropej ewlenin fid-dinja jiġu integrati f’organizzazzjoni bi rwol ewlieni fis-settur tax-xjenza tal-wirt globali, li tingħaqad flimkien komunità transdixxiplinarja ta’ riċerkaturi u utenti li tappoġġja l-avvanzi fix-xjenza tal-wirt permezz ta’ networking, innovazzjoni, taħriġ u edukazzjoni.

 

Għaldaqstant, il-konsorzju E-RIHS jippromwovi prattika tajba fir-riċerka dwar il-wirt, jiżviluppa jew javvanza metodi mfassla apposta sabiex jirrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-assi tal-wirt kulturali, kemm jekk materjali, kif ukoll diġitali, fosthom oġġetti, kollezzjonijiet, bini u siti.


 


 


 

bottom of page