top of page

869 żgħażagħ ibbenifikaw mill-Iskema NEET Activation f’7 snin ffinanzjata b’fondi Ewropej


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru il-Melita Training and Resource Management fejn raw b'għajnejhom il-ġid tal-iskema NEET Activation II.

Din l-iskema tipprovdi l-opportunità liż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena li mhumiex f’xi istituzzjoni edukattiva, impjieg jew taħriġ biex jibbenefikaw minn taħriġ imfassal apposta u appoġġ psikosoċjali, kif ukoll esperjenza ta' xogħol li tippreparahom għad-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Bonnici spjega kif: “L-iskema NEET Activation hija miżura korrettiva li tipprovdi appoġġ, taħriġ, u edukazzjoni jew opportunità ta’esperjenza ta’ xogħol lil żgħażagħ li huma diġà parti mill-kategorija NEETs. Sa mill-bidu ta'din l-iskema li ġiet introdotta f'Malta fl-2014, aħna konna kommessi li ngħinu lil żgħażagħ li mhumiex f’istituzzjoni edukattiva, mhumix impjegati u lanqas ma qed jitħarrġu. Dan għamilnieh billi qed nipprovdulhom opportunitajiet sabiex ngħinuhom jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom u jtejbu l-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom ħalli finalment ikabbru l-prospetti tal-karriera tagħhom.”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima saħaq dwar l-importanza tal-opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna. Huwa qal li permezz tagħhom ikunu jistgħu isibu l-irwol tagħhom fis-soċjetà Maltija.

“Matul l-aħħar snin kellek aktar minn 850 żagħżugħ/a li permezz ta’ dawn l-inizjattivi raw proprju kif ingħataw ħiliet, raw kif jingħataw għodda li permezz tagħha jkunu jistgħu jagħmlu pass ‘il quddiem fid-dinja tax-xogħol. Dan il-pajjiż jemmen fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna u allura dawn it-tip ta’ programmi jħarsu lejn dawk li huma vokazzjonijiet u anke l-inklinazzjonijiet tal-istudenti u b’hekk jiksbu riżultati li se jgħinhom fl-iżvilupp tagħhom,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, saħaq li skemi bħal NEET Activation Scheme, ffinanzjata mill-Fondi Soċjali Ewropew, inaqqsu l-esklużjoni soċjali fis-soċjetajiet tagħna fejn permezz tagħhom qed inkomplu insaħħu l-akbar riżorsa ta’ pajjiżna li hija r-riżorsa umana. Huwa spjega kif din l-iskema, ffinanzjata b’ madwar €4 miljuni b’Fondi Ewropej, tifforma parti minn proġett akbar – Youth Guarantee 2.0. Stefan Zrinzo Azzopardi kkonkluda billi qal li dawn l-inizjattivi jagħtu opportunita lil dawk li huma bla impjieg jew kwalifiki biex jimxu ’l quddiem fl-ambizzjonijiet tagħhom.

Kull parteċipant jirċievi:

- Sessjonijiet fejn speċjalisti jidentifikaw u jifhmu l-aspirazzjonijiet tal-individwi

- Programm ta’ taħriġ ta’ 80 siegħa

- 240 siegħa ta’ tqegħid ta’ xogħol jew opportunità għal taħriġ professjonali

- Ikla kuljum b'xejn

- Għotja ta’ €1440 (80% attendenza obbligatorja)

- Appoġġ kontinwu inkluż ħaddiema għaż-żgħażagħ, konsulenti dwar l-impjiegi, kowċis tal-impjiegi

Total ta’ 869 żgħażagħ ibbenifikaw mill-opportunità mgħotija permezz tal-iskema NEET Activation mill-2014 sal-lum.



bottom of page