top of page

€390,000 f’għajnuna għall-opri f’Għawdex

Kitba meħuda mill-Orizzont (L-Erbgħa 21 ta’ Settembru 2022 ) paġna numru 13.



Produzzjonijiet tal-opri f’Għawdex se jgawdu minn investiment ta’ €330,000 mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’kontribut addizzjonali ta’ €60,000 mill-Ministeru għal Għawdex. Kemm it-Teatru Astra kif ukoll it-Teatru Aurora gawdew mill-Programm Investiment għall-Organizzazzjonijiet Kulturali - Għawdex, amministrat mill-Kunsill Malti għall-Arti, liema programm ta’ finanzjament ikopri l-perjodu mill-2022 sal-2024. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.


Il-Ministru Bonnici faħħar din il-kisba u qal li, “Aħna nimmiraw u niżguraw li kull forma ta’ arti hija rikonoxxuta, inkluż is-settur operistiku li fih pajjiżna qed jiddistingwi ruħu. L-opri għandhom pjattaforma soda f’Għawdex u grazzi għal dan il-programm nistgħu nkomplu ninvestu fl-eċċellenza artistika f’din il-forma ta’ teatru, li hi tant maħbuba u apprezzata.”


Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li minkejja li għandu ftit iktar minn 30,000 ruħ, Għawdex għandu żewġ teatri tal-opri li kull wieħed minn tal-inqas itellgħu opra fis-sena, ħafna drabi b’solisti internazzjonali. Fil-fatt, l-istaġun tal-opri llum il-ġurnata hu appuntament regolari għas-segwaċi tal-opra. Il-Ministru Camilleri semma li x-xahar tal-opra f’Għawdex, Ottubru, hu opportunità kbira għall-Għawdxin stess, li għandhom talenti artistiċikbar, biex jgħaqqdu u jiffurmaw parti minn grupp ta’ kalibru għoli li jiġi Għawdex apposta għal avvenimenti bħal dawn tant imfittxija.


Il-programm ikopri attivitajiet li se jsiru fl-2022, fl-2023 u fl-2024, u hemm total ta’ seba’ organizzazzjonijiet Għawdxin li bbenefikaw. Din kienet l-ewwel sejħa tal-ICO Għawdex, hekk kif qabel din is-sejħa kienet magħrufa bħala l-Programm ta’ Għajnuna Kulturali għal Għawdex.


Bis-saħħa taż-żewġ inizjattivi, l-investiment totali f’organizzazzjonijet Għawdxin li huma attivi fis-setturi kulturali u kreattivi se jlaħħaq iż-€2,385,000 fuq medda ta’ tmien snin (2016-2024).


Aktar informazzjoni u r-riżultati ta’ din is-sejħa fuq il-programm jinsabu fuq www.artscouncil.mt, taħt is-sezzjoni tal-fondi u opportunitajiet.



Comentários


bottom of page