top of page

28 kamra tan-nar jibbenefikaw minn total ta’ €140,000 biex isaħħu s-sigurtà fil-piroteknika



Tmienja u għoxrin kamra tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja ġew mogħtija €5,000 kull wieħed biex isaħħu s-sigurtà fil-piroteknika. Dan il-fond kien disponibbli għat-tieni sena konsekuttiva grazzi għall-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.


“Dan il-fond huwa eżempju ċar ta’ kemm dan il-Gvern huwa impenjat biex ikompli jsaħħaħ it-tradizzjonijiet u d-drawwiet tagħna li jiffurmaw parti intrinsika mill-identità tagħna. Kull sena, kemm Maltin u kif ukoll turisti jistennew b’ħerqa l-ispettakli tan-nar li huma maħbuba minn bosta, u xi ftit forsi ma jirrealizzawx kemm isir xogħol wara l-kwinti biex kollox jimxi kif suppost. Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss qegħdin nagħmlu dan l-aspett fil-kultura tagħna aktar aċċessibbli, imma qegħdin ukoll inħarsu din it-tradizzjoni filwaqt li nassiguraw is-sigurtà tal-voluntiera li joħolqu dawn ix-xogħlijiet t’arti,” qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnci waqt iċ-ċerimonja.


Dan il-fond pprovda lil kull kamra tan-nar bl-opportunità li ttejjeb l-infrastruttura tagħha sabiex il-voluntiera jaħdmu f’ambjent sigur, kemm waqt il-manifattura, u kif ukoll waqt il-ħruq. Permezz ta’ dan il-fond, il-kmamar tan-nar jistgħu jinvestu wkoll f-riżorsi li se jgħinuhom itejbu l-kwalità u s-sigurezza tal-prodott pirotekniku.


Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal, “Permezz ta’ dan il-fond, il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jagħmel stqarrija b’saħħitha: li l-Kunsill jemmen fis-sigurtà u fl-arti tal-ħaddiema tan-nar tagħna u fl-importanza tas-sigurtà waqt xogħolhom.”


Grazzi għal dan il-fond, il-kmamar tan-nar ġew mistiedna biex joħorġu b’ideat u proposti biex jirrestawraw il-kmamar stess u jinvestu fl-istruttura tagħhom, kif ukoll f’makkinarju u f’għodda li jiffaċilitaw u jagħmlu l-produzzjoni aktar sigura. Il-fond għandu l-għan ukoll li jgħin f’investiment ta’ għodod li jtejbu s-sigurtà kif ukoll biex jagħmlu aktar kollaborazzjonijiet bejn il-kmamar tan-nar.


Kull kamra tan-nar se tirċievi kaxxa tal-ewwel għajnuna biex titpoġġa fil-kamra tan-nar, u membru ta’ kull kamra jrid jattendi għall-kors tal-ewwel għajnuna organizzat mill-Malta Red Cross b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti.



bottom of page