top of page

27 organizzazzjoni volontarja jgawdu minn skema għall-għaqdiet tal-armar, kulturali u soċjali

27 organizzazzjoni volontarja jgawdu minn skema għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali



Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li 27 organizzazzjoni volontarja se jkunu qed jibbenefikaw mill-Iskema ta’ għajnuna għall-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali, b’total ta’ €140,000. Din l-iskema għandha l-għan li tkompli trawwem, tħares u ssaħħaħ it-tradizzjonijiet kulturali, partikolarment fejn jidħol armar u tiżjin fil-festi. Din l-iskema hi amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Waqt il-preżentazzjoni tal-għoti tal-fondi, il-Ministru Owen Bonnici rringrazzja lill-għaqdiet għall-isforzi dedikati tagħhom fil-ħolqien u d-disinn tat-tiżjin artistiku li jżejnu t-toroq ta’ bosta lokalitajiet matul l-istaġun tal-festa.

“Permezz tal-implimentazzjoni ta’ din l-iskema, qegħdin inkomplu nsaħħu l-qafas kulturali ta’ pajjiżna, u t-tradizzjonijiet rikki tat-tiżjin tal-festa. Dan l-appoġġ jinkludi mhux biss għajnuna fid-disinn u l-manifattura iżda jestendi wkoll għall-investiment fit-tagħlim u t-taħriġ, flimkien mat-trawwim ta’ diversi proġetti u attivitajiet kulturali. Inizzjattivi bħal dawn b’mod konsistenti jipprovdulna l-bażi biex insaħħu u niżguraw il-futur tal-wirt kulturali tagħna,” stqarr il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha, Mary Ann Cauchi, Direttur Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, spjegat li dan il-fond jappoġġja lill-bosta organizzazzjonijiet madwar l-ibliet u l-irħula li jkomplu jikkontribwixxu għall-festi tradizzjonali Maltin, li jiddedikaw il-ħin tagħhom matul is-sena kollha biex isaħħu l-aspett artistiku ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Din l-iskema sservi wkoll bħala inizjattiva biex jitwettaq bis-sħiħ il-potenzjal taċ-ċelebrazzjoni tal-espressjonijiet kulturali lokali vibranti fil-komunitajiet tagħna, kif imsemmi fl-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti.

“Din l-iskema tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet jirċievu l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu javvanzaw l-isforzi tagħhom, filwaqt li jiġi mħeġġeġ ukoll livell ogħla ta’ kisbiet artistiċi,” qalet is-Sa Cauchi.

Il-benefiċjarji ta’ din l-iskema huma organizzazzjonijiet volontarji rreġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji u ġew skrutinizzati f’termini ta’ eliġibilità teknika u artistika mill-Kunsill Malti għall-Arti; kull proġett ingħata finanzjament fuq bażi ta’ każ b’każ. Għal aktar informazzjoni u riżultati żur hawn.





bottom of page