top of page

22 applikant ieħor lokali jibbenefikaw mis-Screen Support Scheme

ree

B’kollox l-investiment totali f’films u produzzjonijiet awdjoviżivi Maltin jitla’ għal iktar minn €2.6 miljun f’sena waħda

 

Wara li aktar kmieni din is-sena reġa’ ġie mniedi s-Screen SupportScheme, il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li 22 proġett ieħor ta’ kreattivi lokali fil-qasam tal-films u produzzjonijiet awdjoviżivi ngħataw bejniethom għajnuna addizzjonali ta' €860,000.

 

Għaldaqstant, bl-għajnuna li ngħatat għal proġetti li applikaw għal din l-Iskema li għalqet f’April li għadda u l-proġetti li qed jitħabbru llum, l-ammont totali ta’ produzzjonijiet lokali li bbenefikaw mis-ScreenSupport Scheme, li hija maqsuma f’diversi fergħat, tela’ għal 55 proġett b’investiment totali ta’ aktar minn €2.6 miljun.

 

Il-Ministru Owen Bonnici stqarr, “Id-deċiżjoni li nerġgħu nniedu s-Screen Support Scheme, li qed naraw il-frott tagħha llum, hija waħda fid-direzzjoni t-tajba u hija mibnija fuq il-fatt li tant rajna talent u proġetti sbieħ fi ħdan il-komunità kreattiva Maltija u Għawdxija li kienet tkun ħasra li dawk il-proġetti li għaddew u għandhom potenzjal kbir imma li m’għamluhiex mal-ewwel grupp ta’ proġetti li ffinanzjajna jispiċċaw fix-xejn. Għaldaqstant, l-investiment fil-qasam tal-films u produzzjonijiet awdjoviżivi lokali issa tela’ għal aktar minn €2.6 miljun li hija somma bla preċedent.”

 

“Ħadna dan il-pass għax ninsabu konxji ferm li s-settur tal-films domestiċi u lokali jixtieq jirrealizza iktar il-potenzjal tiegħu u għalhekk kommessi li nkomplu naħdmu bis-sħiħ sabiex il-kelma li tajna lejn dan is-settur inżommuha u nkomplu nagħtu aktar riżultati,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, żied jgħid, “Meta din l-iskema għaddiet għall-ewwel darba taħt idejn il-Kunsill, l-istrateġija tagħna kienet ċara mill-bidu. Qbilna mal-partijiet interessati li kien hemm bżonn ta’ investiment akbar. U hekk kif rajna numru rekord ta’ proġetti li jġibu unur lill-industrija, ħadna d-deċiżjonijiet li kellna nieħdu biex inkunu nistgħu ngħinu lil kull min ħaqqu u lil kull min kien meritevoli mingħajr eċċezzjoni.”

 

Sadanittant l-applikazzjonijiet għad-disa’ fergħa tas-Screen SupportScheme bħalissa tinstab miftuħa għal proġetti li waslu fil-fażi tal-promozzjoni internazzjonali, hekk kif se jiġu investiti €100,000 oħra fil-promozzjoni tal-films domestiċi sal-aħħar ta’ din is-sena. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-18 ta’ Novembru 2025. Għal aktar informazzjoni żur https://artscouncilmalta.gov.mt/



 
 
 

Comments


bottom of page